Il-Labour u t-Titanic

Marlene Farrugia tqabbel lill-Partit Laburista mat-Titanic u indirettament takkuża lil Toni Bezzina li uża r-rapport tal-PN dwar l-Ambjent bħala 'karta tal-loki'  

Analoġija ta' Farrugia: Il-Labour u t-Titanic
Analoġija ta' Farrugia: Il-Labour u t-Titanic

'Lanqas Alla ma jnizzlu' kienu qalu fuq it-Titanic hu u jsalpa ħelu, ħelu lejn id-destin tiegħu.  Baned u festi, xampanja, ħornijiet, żfin, ikel u ċelebrazzjonijiet. Kemm iżżablu tat-Titanic dak il-lejl. Ma kontx issoddhom b'qargħa twila, x' vapur kien irnexxielhom, jibnu x' waħda din. Kienu propja qishom aħna tal-Lejber meta rbaħna l-elezzjoni wara ħamsa u għoxrin sena nittewbu.   X'ma xrobniex u x'ma kantajniex. L-innijiet anke bir-reverse bdejna ngħannuhom u b'ħanġra daqshiex tafux. Il-garġi kont għoddni qlajthom.

Sirna żibel kif nafu aħna, sakemm fl-aħħar mill-aħħar inħlibna, dħalna d-dar għarkopptejna, tkaxkarna għal ġos-sodda u ntfajna norqdu raqda ħalliema, mimlija tama għal żmien sabiħ miżgħud xogħol produttiv, skoperti, avventura u suċċess.

Saħansitra l-għajta dakinhar bħal tat-Titanic kienet x'waħda din, għax il-kelma fuq fomm kulħadd ma kinetx ħlief waħda: 'Qas Alla ma jniżżel lil Joseph minn hemm’...u nassigurakhom li lanqas ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu dakinhar li l-Gvern Laburista wkoll kien salpa għal ġod-destin tiegħu b'nies fit-tmun li kellhom iċarrtulu ġnubu b'mod fatali.

Il-leġiżlatura issa kważi għoddha għaddiet. Anzi taret ngħid jien.

Kellna spettaklu ma jaqta' xejn fil-Parlament u barra minnu. Skandli u kummiedji ma jitwemmnux, kuntratti inviżibbli jew qishom biċċa arti tal-astratt maħduma iswed u abjad. Liġijiet għaddejjin qishom pastizzi, u sale kbir ta' ġid il-poplu ma jaqta' xejn aqwa minn tal-maltapark.com.

L-oppożizzjoni tgħajjar lill-Gvern ħalliel, u l-Gvern fi ftit kliem iweġibha, veru, sew qed tgħid, imma mhux daqsek ta'! Int sraqt  iktar! U l-għada nerġgħu b'xi farsa oħra.

Kif l-Oppożizzjoni tkun naqra down, toħroġ dokument biex tati farka tama lill-poplu mbellaħ, u kif il-poplu jaħbat ħa jistejqer kemm kemm u jibda jistagħġeb bl-għerf ta' dak id-dokument, joħroġ l-awtur tad-dokument stess b'xi metafora li ġġib il-valur tar-roadmap fuq l-istess livell tal-karta tal-loki mill-fina.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern ma jonqos qatt mir-rankatura li jispinja storja ta' suċċess wara oħra, iħabbar investiment wara ieħor li x’ħin tixtarru tinduna li l-poplu qed jitteħidlu mhux jingħatalu. Imbagħad kif isib xi ntopp jew ifakkruh fil-karus tal-Panama, ikun pront iħabbar li ħa jżewweġ lill-gays, biex wara erbat  ijiem jerġa' jinsa u jħallihom  b'xiber imnieħer għarajjes perpetwi.

Imma dil-ġimgħa għaxxquha waħda kbira!

Il-Labour tgħidx kemm feraħ għax id-db group xela lill-Partit Nazzjonalista li talbu jħallaslu l-pagi tal-ħaddiema!

Hemm hi l-korruzzjoni qalilna!

Mixtrijin tal-maduma, mhux midjunin biss!

Għax bħal dak li qallu, il-poplu baħnan! 

Jekk taw daqshekk lil tal-maduma biex forsi jigdmu lsienhom, mela kemm taw iktar lil ta' Kastilja biex ifarfrulhom biċċa art tal-poplu tiswa €200 miljun, b' taparsi €60 miljun (15 miljun fil-fatt)?

U jekk tad-db għamilha tiegħu l-art tal-ITS, il-ftehim meta sar?

Issa, jew qabel salpa t-Titanic?

U jekk bid-donazzjonijiet tal-maduma qed iħallsu l-pagi tal-ħaddiema, mela l-Gvern x'inhu jagħmel?

Regimenti sħaħ ta' nies imħallsin minn but il-poplu misluħ biex jagħmlu x-xogħol tal-Partit tal-Panamalabour minn ġol-ministeri saħansitra minn Kastilja! Min jattakka lil Ċikku, minn jhedded lil Peppu, min ibażwar 'l hawn, min iżżellaq 'l hemm, xufiera, ilbies designer minn fuqna l-bħanen li naħdmu, safar bla rażan, min jifqa' xi minibar, u nsomma Babilonja sħiħa!

U tafu xi ġralha l-Babilonja l-aħwa, u tafu wkoll fejn spiċċa t-Titanic ħbieb.

Mela toqogħdux taħsbuha. Din id-darba biddlu ta' veru. Ħallikom mill-Partiti vvizzjati. Agħżlu s-sinċier, agħżlu l-ġdid. Agħżlu l-partit tal-fejqan... wara kollox mimli tobba... jekk tridu s-serjetà agħżlu l-Partit Demokratiku!

 

 

 

 

More in Politika