'Il-Ministeru sar qisu l-ETC'

  • Jitolbu lil Refalo jżomm kelmtu u jtihom xogħol mal-Gvern
  • Entitajiet tal-Gvern imballati b’ħaddiema żejda
  • Il-PL mistenni jitlef it-tielet siġġu fuq Għawdex
  • Ir-relazzjoni Refalo-Muscat iggravat

Il-Ministru Anton Refalo qed jiffaċċja pressjoni u kritika mhux biss mill-Partit Nazzjonalista, imma wkoll minn diversi bnadi oħrajn, mhux l-inqas minn numru ta’ attivisti Laburisti li ma jappoġġjawx lilu. Minn naħa, Refalo qed iqanqal ir-rabja ta’ negozjanti li jħaddmu u li mhumiex isibu nies, għax ħafna qed jippreferu li jmorru jaħdmu mal-Gvern jew f’xi skema u min-naħa l-oħra qed jiffaċċja pressjoni jew minn dawk li qed ‘jaqdi’ u li ġejjin għal aktar, jew inkella minn dawk li kienu mwiegħda impjieg qabel l-elezzjoni imma baqgħu jittewbu. Dan apparti pressjoni minn Kastilja stess.

Sorsi qrib il-Partit Laburista qalu lill-ILLUM li l-operat ta’ Refalo mhu qed jinżel tajjeb assolutament xejn ma’ bosta, fosthom mal-privat u min iħaddem u lanqas mal-Prim Ministru innifsu, tant li dan tal-aħħar lanqas il-proġett ta’ ‘link’ bejn il-gżejjer mhu se jħalli f’idejn Refalo. Fil-fatt l-ILLUM tinsab infurmata wkoll li r-relazzjoni bejn Refalo u Muscat bħalissa hija waħda ħażina ħafna.

 

Muscat se jkollu għadma iebsa jekk jirbaħ: Jew Refalo jew Franco

L-ILLUM qed jaslulha numru ta’ każi simili u wegħdi li għamel Refalo qabel l-aħħar elezzjoni, fosthom tnejn li kienu mwiegħda li jiddaħħlu jaħdmu mal-Korpi Dixxiplinati qabel l-elezzjoni li għaddiet, nies li huma parti minn skema għal dawk li m’għandhomx impjieg imma li fil-fatt għandhom negozju u anke transfers ta’ nies mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal postijiet oħrajn, fejn mhux neċessarjament ikun hemm bżonn in-nies. Fost il-postijiet fejn qed ‘jinħolqu’ l-impjiegi għal dawk li jixtiequ jaħdmu mal-Gvern hemm iċ-Ċittadella, Kumplessi sportivi, fil-Ministeru nnifsu u anke fi skemi, bħall-Community Work Scheme.

Din il-mewġa ta’ klijenteliżmu, kontinwazzjoni perfetta tas-sistema li ħaddmet Giovanna Debono, qed tagħmel il-prospett ta’ telfa konsiderevoli għall-PL fit-13-il distrett fl-elezzjoni tal-2018, iktar reali biċ-ċans illi jitlef it-tielet siġġu.

Jekk jirbaħ fl-2018, Muscat se jkollu jagħżel...jew Franco Mercieca jew iżomm lil Refalo Ministru

Fl-2013, il-Partit Laburista kien eleġġa tliet Deputati minn Għawdex, għall-ewwel darba, iżda xorta kien baqa’ ftit inqas minn 200 vot minn wara l-Partit Nazzjonalista, f’distrett li fih il-PN dejjem kiseb maġġoranza ta’ voti mill-1976 sal-lum. Il-PN dejjem rebaħ dan id-distrett b’mod konviċenti qabel l-2013, bl-inqas maġġoranza tkun akkwistata fl-elezzjoni tal-1996 b’1,634 vot. Dakinhar, il-PN kien tilef l-elezzjoni. L-akbar maġġoranza li ġab il-PN f’Għawdex kien fl-elezzjoni tal-2003 meta kiseb maġġoranza ta’ iktar minn 4,000 vot u l-PN rebaħ l-elezzjoni bl-għajta tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Bosta votanti tat-13-il Distrett, fosthom ukoll Laburisti u switchers huma rrabjati għax iħossu li l-wegħda tax-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin ma saritx realtà, għajr għal impjiegi li huma direttament marbutin mal-Gvern jew inkella permezz ta’ skemi. Oħrajn huma rrabjati għax f’dawn l-erbgħa snin, ftit jew xejn saru proġetti f’Għawdex, għajr il-ftuħ taċ-Ċittadella, liema proġett inbeda minn Gvern preċedenti filwaqt li proġetti bħal dak tad-dar tal-anzjani fl-Imġarr u tal-Qorti ġdida waqgħu lura ħafna. Dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu li anke fejn jirrigwarda Direttorati, dawn qed jitilfu s-saħħa tagħhom.

“Kellna konferenza dwar kemm ġew turisti Għawdex fit-tmiem il-ġimgħa tal-Karnival u kellna l-Ministru Malti (Edward Zammit Lewis). U d-Direttorat tat-Turiżmu Għawdxi fejn kien?” staqsiet waħda mill-persuni li tkellmu mal-ILLUM. Minkejja li tista’ tidher xi ħaġa insinnifikanti, dawk li tkellmu magħna sostnew li dan huwa sintomu tal-fatt li l-Ministeru kif inhu, tilef is-saħħa kollha.

Fil-fatt, apparti l-favuri tibqa’ problema kbira l-fatt li l-Ministeru ta’ Refalo ‘tnaqqar’ waħda sew mill-poteri li kellhom l-eks Ministri Anton Tabone u Giovanna Debono. Kienet l-ILLUM li lura fit-13 ta’ Diċembru 2015 irrappurtat kif mill-2013 il-Ministeru t’Għawdex tilef ir-responsabbiltajiet tas-settur tal-enerġija, diżabilità, skart, saħħa, edukazzjoni, toroq u saħansitra l-bini ta’ link permanenti bejn iż-żewġ ġżejjer. Dan ifisser li prattikament il-Prim Ministru, mill-bidu nett ‘qata’ saqajn’ Refalo.

 

Barts: Investiment pożittiv li qed jagħmel lil Refalo inqas popolari

Minkejja li l-proġetti li mistenni jġib lil Barts f’Għawdex kif ukoll il-proġett tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex huwa meqjus bħala pożittiv ħafna, jibqa’ fatt li għad hemm element qawwi ta’ biża’ u inkwiet fost il-ħaddiema.

L-ILLUM hija nfurmata li ħafna mis-sostenituri jew anke qraba ta’ Refalo, ma baqgħux jaħdmu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u talbu li jkunu trasferiti xi mkien ieħor, fost dawn kien hemm mart il-Ministru Refalo, Michelina. Mart Refalo kienet telqet minn impjegata mal-Ministeru, biex ingħatat impjieg fl-Isptar t’Għawdex. Sena wara, f’Ottubru 2016, mart il-Ministru kienet ingħatat impjieg mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan kollu aktar qajjem suspetti mill-ħaddiema tal-stess Sptar Ġenerali u wħud minn dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew li l-fatt li mart il-Ministru telqet u sabet impjieg post ieħor kien qisu melħ fuq il-ferita.

 

Refalo moħħu mistrieħ...

Minkejja kollox iżda, u minkejja din ir-rabja, dawk li tkellmu magħna qalu li Refalo ma tantx qed jinkwieta jew jitlef wisq irqad. Dan minħabba li jaf li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jerġa’ jkollu numru ta’ voti biżżejjed ‘biex jitla’ sparat, speċjalment mingħand dawk li hu jkun għen jew qeda u dawk li jwegħedhom li se jgħin jew jaqdi,’’ sostna wieħed mis-sorsi tagħna.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali Refalo kien ġab l-akbar numru ta’ voti mid-distrett kollu b’5,264-il vot, saħansitra iktar minn Giovanna Debono li kienet ġabet 4,756-il vot.

L-ikbar uġigħ ta’ ras għalhekk se tkun ta’ Joseph Muscat għax jekk jirbaħ l-elezzjoni l-Partit Laburista, se jkollu jagħżel bejn l-aktar kandidat li probabbilment se jġib voti, u Franco Mercieca, il-kandidat Għawdxi preferut tiegħu.  

 (Nhar Il-Ħadd li ġej se nkomplu nirrapurtaw aktar stejjer minn Għawdex u niżvelaw aktar dwar l-iżviluppi politiċi fit-13-il Distrett) 

More in Politika