Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Id-demokrazija f’pajjiżna mhedda?

Skont Manuel Micallef... "Sempliċiment b'ħarsa lejn kif iġġib ruħha l-Oppożizzjoni, min jgħid li d-demokrazija f’pajjiżna mhedda qed jgħix fil-qamar..."

28 ta' Frar 2017 10:58
Altru milli l-poplu huwa beżgħan li għax jitkellem kontra l-gvern se jsib ruħu l-ħabs
Min jgħid li d-demokrazija f’pajjiżna mhedda qed jgħix fil-qamar. Sempliċiment ħarsa lejn kif iġġib ruħha l-Oppożizzjoni ukoll hija biżżejjed biex nifhmu li d-demokrazija f’pajjiżna hija  b’saħħitha, dinamika u tiżboq saħansitra sistemi oħra mħaddnin minn pajjiżi ċivilizzati.

Għandna Oppożizzjoni li tgħid u tagħmel li trid. Oppożizzjoni li tattakka lill-aversarji politiċi u l-alleati tagħhom b’kull mezz: bil-kliem, bil-kitba, bix-xandir u bl-aġir tagħha ġewwa u barra l-Parlament. Kultant ma tiddarrasx taqbeż il-limitu u xorta qisu ma ġara xejn. Id-diskorsi tal-Kap tal-Oppożizzjoni huma miżgħudin b’battuti u raġunament li iktar iġibu firda milli għaqda.

Issa smajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid kemm ma jibżax mill-Prim Ministru, kif il-ministri huma ħallelin u giddibin, kemm huma korrotti u ipokriti. Iniżżel in-nies fit-toroq u jiddikjara li l-ewwel ħaġa li jagħmel jekk xi darba jsir Prim Ministru tkun li jkeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija mingħajr avviż! Forsi dan hu l-mod ġdid ta’ politika li jrid iħaddan.

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni – tradizzjonali u moderni – kif ukoll l-NGOs, il-ħin kollu jsemmu leħinhom u jikkritikaw ‘left, right and centre’ lill-Gvern u lil kull min jarawh parti integrali mill-establishment. Fis-siti soċjali b’mod partikolari, naraw kitbiet b’lingwaġġ dispreġġjattiv u kultant baxx u oxxenn fil-konfront ta’ individwi u istituzzjonijiet li qatt ma konna mdorrijin bihom. Altru li ma teżistix il-libertà tal-espressjoni. Illum ħadd ma jibża’ jesprimi twemminu u l-opinjoni tiegħu fil-beraħ. Għax il-Ministru tal-Ġustizzja ressaq abbozz ta’ liġi fejn se jitneħħa l-libell kriminali u l-mandat ta’ sekwestru kawtelatorju wkoll qamu l-irwiefen meta suppost qegħdin napprezzaw kif qed jissaħħaħ id-dritt tal-espressjoni ħielsa.

"Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha l-missjoni tiegħu li jpenġi lil pajjiżna, bħala pajjiż li huwa mifni bil-korruzzjoni, li l-Prim Ministru huwa ostaġġ ta’ xi erbgħa madwaru, li ma tistax tiftaħ ħalqek kontra l-gvern, li l-libertà u d-demokrazija hija mhedda kontinwament u li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ġabuhom każini politiċi mmexxijin minn uffiċjali inkompetenti"
Dan l-abbozz huwa wieħed minn sensiela sħiħa ta’ liġijiet li għadda dan il-gvern fejn żdiedu l-libertajiet ċivili u d-drittijiet taċ-ċittadini b’tali mod li llum meqjusin bħala l-aqwa fl-Ewropa. Ifisser ukoll tisħiħ għas-sistema demokratika li nħaddnu.

Il-libertà taċ-ċittadin, kif espressa fid-dritt ta’ assoċjazzjoni, jista’ jeżerċitaha kulħadd bla distinzjoni. Id-dritt tal-vot mhuwa mċaħħad lil ħadd. Min irid iwaqqaf għaqda jew partit għandu l-libertà kollha li jagħmel dan. Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, speċjalment id-dinjità umana, huma rispettati sew fis-soċjetà tagħna.

It-tħaddim fil-prattika tal-ġustizzja soċjali permezz ta’ baġit li jaħseb fiż-żgħir u l-emarġinat ikomplu jsaħħu t-tessut soċjali tad-demokrazija. It-tkabbir ekonomiku ukoll jixhed it-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna. L-istabbiltà politika u ekonomika jattiraw l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol. Il-fatt li jitkabbar il-ġid komuni u li l-gvern jassigura li dan jitqassam b’mod xieraq ukoll juri kif id-demokrazija hija sana f’pajjiżna.

Fejn jirrigwardja l-ordni pubblika u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, m’għandniex għalfejn nilmentaw. Huma msejsa fuq prattiċi u liġijiet li jħabbtuha ma’ pajjiżi iktar żviluppati minna. Mhumiex perfetti nammettu, iżda lanqas huma kif hawn min irid ipenġihom. Wara kollox, anke s-sistema demokratika li nħaddnu aħna mhi perfetta iżda forsi l-aħjar waħda mis-sistemi eżistenti. Jagħmel ħażin min jipprova jimmina l-istituzzjonijiet bi kritika ħarxa inġusta. Bħalma ġara dan l-aħħar meta kien hemm min ipoliticizza l-każ tal-isplużjoni ta’ bomba f’karozza.

L-istabbiltà li għandu pajjiżna bħalissa, l-iżvilupp ekonomiku u tħaddim ta’ liġijiet li jirriflettu r-realtajiet li qed ngħixu llum huma xhieda fihom infushom tat-twettiq tad-demokrazija bħala sistema ta’ governanza iktar milli bħala ideal. Iċ-ċittadin Malti u Għawdxi huwa moħħu mistrieħ li qed jgħix f’pajjiż trankwill, fejn jista’ jimraħ fl-opportunitajiet u fejn jista’ jħares lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu. Altru milli l-poplu huwa beżgħan li għax jitkellem kontra l-gvern se jsib ruħu l-ħabs! Altru milli l-gvern se juża l-forzi tal-ordni biex iċaħħad aċċess lil xi ħadd milli jagħmel dimostrazzjoni jew attività tal-massa. Altru milli kulħadd ma jistax jiċċaqlaq għax għandna reġim totalitarju!

Jidher li hawn min għandu interess [partiġġjan] li flok jirrikonoxxi r-realtà tal-ħajja li qed ngħixu fiha, joħloq perċezzjoni ta’ instabbiltà u nuqqas ta’ sigurtà biex jiggwadanja politikament. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha l-missjoni tiegħu li jpenġi lil pajjiżna, lokalment u internazzjonalment, bħala pajjiż li huwa mifni bil-korruzzjoni, li l-Prim Ministru huwa ostaġġ ta’ xi erbgħa madwaru, li ma tistax tiftaħ ħalqek kontra l-gvern, li l-libertà u d-demokrazija hija mhedda kontinwament u li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ġabuhom każini politiċi mmexxijin minn uffiċjali inkompetenti. Għall-kap tal-oppożizzjoni, kull ma jagħmel il-gvern huwa kollu ħażin, diżonest u ta’ stmerrija. Din mhix ir-realtà li qed jgħix fiha ċ-ċittadin li għandu rasu fuq għonqu u li ma jiddilettax bid-dimostrazzjonijiet, meetings u każini. Din hija l-perċezzjoni li jrid joħloq fost il-poplu l-Kap tal-Oppożizzjoni biex forsi jirbaħ ftit voti. Meta jiġri dan, ċoè li l-interess partiġġjan jiġi qabel l-interess nazzjonali tkun qed tiġi mhedda d-demokrazija! Min joħloq dan ix-xenarju bi strateġija mmirata li tkisser lil ħaddieħor biex jinkiseb il-poter, mhux biss ikun politikament diżonest imma jkun qed jimmina l-istess demokrazija.

Ma rridx infisser li allura kull ma jagħmel il-gvern huwa tajjeb. Dal-gvern għamel ħafna tajjeb u ġab bidliet li qatt ma ħlomna bihom. Ġab il-ġid u għad irid iġib. Għalhekk il-feel good factor fost il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni. Għalhekk kiseb l-istima tal-Istituzzjonijiet Ewropej u tal-Aġenziji ta’ Kreditu Internazzjonali. Imma għamel żbalji wkoll u tagħhom jew ħallas jew għad irid iħallas. Imma żgur li dawn l-iżbalji mhumiex id-diżastri jew l-abbissi li jpengi l-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni trid tifhem li bil-firda u l-mibgħeda mhux se ssaħħaħ id-demokrazija! Bħal gvern, l-ikbar lezzjoni fid-demokrazija l-Oppożizzjoni teħodha bħal-lum sena!

 

Manuel Micallef hu opinjonista u xandar

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook