'DCG stess kienet xtaqet tirreġistra l-blogg tagħha mad-DOI'

Caruana Galizia kienet qalet fil-Qorti li riedet tirreġistra l-blogg tagħha imma s-sistema ma kinetx tippermetti

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal kif f'seduta fil-Qorti, il-blogger Daphne Caruana Galizia kienet saħqet li hi stess riedet tirreġistra l-blogg tagħha mad-Dipartiment tal-Informazzjoni, iżda ma kienx hemm sistema li tagħmel dan.

Bonnici kien qiegħed jikkwota kif f'kawża ċivili quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, Caruana Galizia kienet tat xhieda li fiha qalet li bħala editriċi tal-blogg tagħha, hi xtaqet li tkun reġistrata mad-DOI iżda s-sistema ma kinetx tippermetti dan għal siti online. "Jiena kont tlabt bħala editriċi, lid-Dipartiment tal-Informazzjoni, biex niġi reġistrata bħala editriċi tal-website u litteralment ma ħallewnix għax qaluli li m'hemmx sistema biex il-websites," jiġu reġistrati.

Owen Bonnici, li kien qed jiddibatti mad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli dwar il-liġi proposta dwar il-media u l-malafama, iddefenda l-punt fil-liġi li jgħid li siti tal-aħbarijiet iridu jirreġistraw is-sit tagħhom bħala l-edituri responsabbli minn dan. Żied jgħid li ma setax jifhem il-kritika dwar dan jekk dak li qed jiġi propost hu sempliċiment estensjoni ta' dak li diġà jeżisti għall-gazzetti stampati.

Il-Ministru għall-Ġustizzja kompla jgħid li ma setax jifhem din il-kritika, anke mingħand l-istess blogger jekk hi stess kienet uriet ix-xewqa li jsir preċiżament dan. "Għax issa qed nagħmlu s-sistema li riedet hi, qed tgħidilna li qisna Vladimir Putin," kompla jsostni Bonnici.

More in Politika