'Aħna pajjiż tal-pappagalli ... kulħadd jirrepeti wara l-Oppożizzjoni'

Artiklu skjaċċanti tal-Avukat Anna Mallia jallega li hemm min qed ixejjer l-istess bandiera tal-PN fuq il-kwistjoni tas-sekwestru biex ikunu fil-good books u ma jitħammġux huma jew familthom - tippunta subgħajha lejn l-IĠM...

L-avukat Anna Mallia
L-avukat Anna Mallia

L-Avukata Anna Mallia, artikolista mill-aktar voċifera, kellha kliem iebes ħafna jekk mhux ukoll skjaċċanti fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, imma l-aktar fil-konfront ta' numru ta' persuni fil-media li tkellmu dwar il-kwistjoni tas-sekwestru li sar fuq Daphne Caruana Galizia u li wassal, fost oħrajn, għal proposti ta' tibdiliet fl-Att li jirregola l-midja. Mallia, qalet illi "aħna pajjiż tal-papagalli" u sostniet li hemm numru ta' nies "li jriduha ta' intelliġenti u ta' skola imma ħlief jirrepetu u jagħmluha ta' eku ta' dak li tgħid l-Oppożizzjoni, ma jagħmlux."

Għax ħafna nies sofrew u għax sfaw vittmi ta' dan iz-zekzik ma jimporta xejn...lanqas jimpurtahom li hawn ħafna nies isofru fis-silenzju Anna Mallia

Fl-artiklu tagħha fuq il-gazzetta l-orizzont Mallia tallega illi dawk li "xejru l-stess bandiera tal-Partit Nazzjonalista għamlu dan għall-interessi personali tagħhom biex ma jispiċċawx huma vittmi," ta' dak li hija ssejjaħlu 'ġurnaliżmu modern' u li tiddeskrivih bħala l-kitba mingħajr verifika u mingħajr ma tkun ikkoraborata minn ħadd "b'imqar telefonata waħda lill-persuna kkonċernata." Hija takkuża lil ċerti persuni li ħarġu għonqhom fuq il-kwistjoni tas-sekwestru fuq Caruana Galizia biex "b'hekk huma s'issa u sakemm idumu fil-good books moħħhom mistrieħ li mhux se nisimgħu zekzik fuqhom u lilhom mhux se jsir tkissir tal-familji, dejjem sakemm jibqgħu fil-good books."

S'issa u sakemm idumu fil-good books, moħħhom mistrieħ li mhux se nisimgħu zekzik fuqhom u lilhom mhux se jkissrulhom familja Anna Mallia

Mallia tkompli tgħid illi jekk qatt kien hawn theddida għal-libertà tal-espressjoni, kif qed jgħid fil-messaġġ politiku tiegħu l-Partit Nazzjonalista bħalissa, "ilha fuq dawk in-nies li jżommu ħalqhom magħluq u jħallu dak li ġie mxandar fuqhom jgħaddi, mhux għax ħadu gost bih iżda għax fiċ-ċirkostanzi jkun aħjar li ma jagħtux importanza li min qiegħed ixandar il-ħajja privata tagħhom, anke jekk tkun ta' għexieren ta' snin ilu."

Mallia ssostni li għal dawk li xejru l-bandiera, "għax ħafna nies sofru u għax sfaw vittmi ta' dan iz-zekzik ma jimporta xejn...lanqas jimpurtahom li hawn ħafna nies isofru fis-silenzju u ma jissugrawx jiftħu ħalqhom bil-biżà li huma wkoll jispiċċaw mċappsin u mxandrin mal-erbat irjieħ tad-dinja."

Mallia kkritikat dak li sejħet illi huwa eku ta' ċerti ġurnali lokali tal-istqarrijiet li għamel il-PN dwar l-Att tal-Media u l-Malafama. "Għax l-Oppożizzjoni ħarġet tgħid li jekk għandek Facebook trid tirreġistrah bħal ma trid tirreġistra ġurnal, għamluha fatta u ħarġu jgħidu li dan l-abbozz joħnoq il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni...u xejn ma ndenjaw ruħhom ifittxu u jaqraw l-abbozz."

Mallia sostniet li min "qed imur jugżana barra minn Malta" qed juru kemm lesti "jbigħu ruħhom basta jpaxxu lil ħaddieħor."

Qed juru kemm lesti "jbiegħu ruħhom basta jpaxxu lil ħaddieħor. Anna Mallia

Mallia ppuntat subgħajha wkoll lejn l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u staqsiet għalfejn fl-ebda ħin dan ma' "kkundanna jew wera dispjaċir il-fatt li l-istorja (dwar Chris Cardona) ma saritx skont dak li jirrikjedi ġurnaliżmu, ċoè li wieħed ikollu informer, iżda li biex wieħed jippubblika l-istorja ta' dak l-informer wieħed irid ikollu mqar sors wieħed li qiegħed jikkonferma." 

Mallia sostniet illi jekk wieħed iħares lejn il-liġi tal-istampa tal-pajjiżi kollha demokratici "dawn kollha jimponu somma ta' flus bħala danni għal minn jinsab ħati ta' malafama Id-danni jvarjaw minn €600 f'Ċipru għal aktar minn €1,000,000 fl-Irlanda u r-Renju Unit."

More in Politika