Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Bejn 'il-vendikazzjoni' ta' Cardona u 'l-faxxiżmu' ta' Daphne...

Cardona ssekwestralha €46,000...u minn hemm, qam pandemonju sħiħ...min għandu raġun u min għandu tort? Min hu theddida u min hu l-vittma? L-ILLUM staqsiet l-opinjoni ta' nies mill-media u mill-qasam tax-xandir...

Albert Gauci Cunningham / 17 ta' Frar 2017 10:53
Chris Cardona u Daphne Caruana Galizia. Tnejn min-nies kontroversjali u li ftit tista’ ċċaqlaqhom mill-pożizzjoni politika li fiha jinsabu. Qishom iż-żewġ poli f’estremitajiet assoluti. Żewġ gladjaturi fil-Kolossew, in for the kill, kif jgħidu bl-Ingliż. Kien mistenni li d-dikjarazzjoni uffiċjali ta’ gwerra bejn dawn iż-żewġ persuni tqajjem furur kbir u battibekki qawwijin ukoll. Fil-fatt, il-famuż sekwestru li Cardona talab u li kien milqugħ mill-Qorti qajjem diskussjoni madwar il-pajjiż, daqs, jekk mhux iktar mill-famuża ‘pastizzi-gate’ ta' ftit jiem qabel.

Intant tajjeb li qabel ma naraw x’qalu lill-ILLUM diversi persuni dwar din il-kwistjoni l-ILLUM tixtieq tfakkar li parti kbira mill-frizzjoni li qamet kienet kawża tal-fatt li hawnhekk għandek żewġ personaġġi li minnhom infushom jattiraw l-istess ammont ta’ stmerrija daqs kemm jattiraw ammirazzjoni.

Fuq naħa għandek lil Chris Cardona, politiku li jinżel għasel ma’ ħafna mill-għeruq tal-Partit Laburista għax kuntrarjament għal ħafna fl-istess partit, lill-avversarju jisfidah. Għandu immaġini ta’ politiku ‘macho’ li ma jibżax u li huwa ‘difensur tal-Laburist mgħakkes u minsi mill-partit tiegħu stess’. Huwa l-politiku tal-‘mannara’, il-politiku tal-‘ġustizzja fil-PBS’ b’Xarabank suppost fil-mira, il-politiku tat-triq. Cardona jista’ jkun qed jeħodlok te għand tat-titotla filgħodu u jkun qed iċekċek it-tazzi mal-borgeżija ta’ negozjanti filgħaxija.

Għal-Laburisti akkaniti, huwa xi forma ta’ eroj li qed jiġġieled ‘għadu’ u għalhekk kull mannara hija ġustifikata. Għan-Nazzjonalisti akkaniti, huwa r-riinkarnazzjoni ta’ Lorry Sant u dak kollu li jirrapreżenta l-agħar tal-agħar tal-Gvernijiet ta’ Mintoff, Karmenu u l-‘artistokrazija tal-ħaddiema’. Cardona huwa theddida għan-normalità, baxx u bniedem immorali.

Min-naħa l-oħra, għandek lil Daphne Caruana Galizia. Għal ħafna Nazzjonalisti Daphne hija l-media tal-Partit ippersonifikat, hija l-mezz tax-xandir li jsegwu, hija l-‘aqwa u l-aktar ġurnalista effettiva’. U bħal fil-każ ta’ Cardona għal-Laburisti, hawn ukoll, kull mannara hija ġustifikata. Jekk fil-proċess hemm bżonn nivvintaw u nikkalunjaw xi ftit, ma jimpurtax. Caruana Galizia hija meqjusa bħala l-moħħ wara l-ħruġ tal-istorja li kixfet l-iskandlu tal-Panama, qabel ma’ fil-fatt kienu żvelati l-Panama Papers. Dan taha kredenzjali qawwijin fost bosta, u rrestawra ħafna mill-immaġini tagħha. Illum, Caruana Galizia hija, tajjeb jew ħażin, ħafna iktar b’saħħitha fil-PN milli l-Kap tal-istess partit qatt jista’ jkun.

Għal-Laburisti akkaniti u moderati u għal numru ristrett ta’ Nazzjonalisti, din il-mara hija l-infern u x-xitan riinkarnat. Hija mibgħuda b’passjoni fost ħafna Laburisti u meqjusa bħala persuna bla qalb, il-famuża ‘saħħara’. Għal bosta, mhux Laburisti biss, is-sekwestru huwa parti minn ‘ġustizzja mistħoqqa’ wara lista ta’ attakki fuq mard, dehra, tfal u aktar ta’ attivisti Laburisti u kritiċi tal-PN. Tant tqajjem kontroversja u emozzjoni fl-estrem pożittiv u negattiv, bħal Cardona, li fil-fatt anke battibekki dwar jekk hux ġurnalista jew le, għaddejjin fl-isfera politika f’pajjiżna.

Jiġifieri, minkejja li huma differenti fl-assolut li jgħixu fih, Cardona u Caruana Galizia huma simili fl-intensità ta’ emozzjoni li jqajmu fost l-udjenza li qed tarahom.

 

Is-sekwestru ħażin. Imma skont fuq min? 

L-ILLUM tkellmet ma’ diversi nies mill-media u mill-qasam tax-xandir, jew li jaħdmu qrib tiegħu, għaqqdet iż-żewġ reazzjonijiet li kellha din l-istorja u staqsiet lill-persuni għal ħsibijiethom. Is-sekwetsru f’dan il-każ kien ġustifikat, jew le? 

 

Julia Farrugia

Julia Farrugia
‘Niddistingwu bejn ġurnaliżmu u min ifajjar bl-addoċċ’

L-eks editur tal-gazzetta ILLUM Julia Farrugia ammettiet li mill-esperjenza tagħha stess, sekwestru “bħala stat ta’ fatt mhux xi ħaġa pjaċevoli, naf għax għaddejt minnha jien ukoll.” Mistoqsija allura jekk dan ifissirx li taqbel mal-argument li qed tagħmel Caruana Galizia kontra s-sekwestru fuq nies fil-midja, Farrugia dlonk tirrispondi li wieħed jeħtieġ jagħmel differenza bejn, “ġurnaliżmu u min ifajjar bl-addoċċ.”

Hija sostniet li meta kienet editur ta’ din l-istess gazzetta, kien waslilha filmat ta’ dak li kien iċ-Chairman tal-PBS Joe Mizzi, “u jien ma ħriġtux mill-ewwel. Anzi ċempiltlu u spjegajtlu biċċa, biċċa x’kien qed jiġri fil-filmat partikolari u miegħi ammetta li kien xorob. Meta ppubblikajt din l-istorja, rrappurtajt kollox kelma, b’kelma dak li kien qalli. Jiġifieri jien,” tkompli tispjega Farrugia “tajtu kull ċans li jitkellem.”

Hija fakkret kif dwar dak il-każ, ġiet iċċensurata mill-Kummissjoni tal-Etika fix-xandir. “Min-naħa l-oħra f’dan il-każ, ta’ Chris Cardona, mhux biss għad m’hemm ebda prova, talli Caruana Galizia, sa fejn naf jien, ma talbitx kumment mingħandu, biex tieħu l-verżjoni tiegħu tal-istorja.”

Filwaqt li tgħid li għamlet sentejn sħaħ tkun attakkata minn Caruana Galizia, tisħaq li “jekk hemm bżonn li niddiskutu l-bidliet fil-liġi biex il-ġurnalist ikun protett, mela ejja niddiskutu. Imma la kif inhi l-liġi tippermetti li jsir sekwestru, mela allura Cardona kellu kull dritt li jużah.”

 

Fabian Demicoli

Fabian Demicoli
‘Cardona għamel li għamel b’sens ta’ vendikazzjoni’

Mal-ILLUM, tkellem ukoll il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Net TV, Fabian Demicoli, li sostna li l-forzi maġġuri wara l-azzjoni ta’ Cardona kienu tnejn. “Is-sekwestru sar biex inissel sens ta’ biża’ u vendikazzjoni.”

Demicoli jfakkar li fl-istqarrija ta’ Cardona stess ta’ nhar l-Erbgħa filgħaxija, il-Ministru qal li kien qed jieħu l-azzjoni tas-sekwestru fil-konfront ta’ Caruana Galizia, imma mhux fil-konfront tiegħu bħala Kap ta’ Kamra tal-Aħbarijiet li segwiet l-istorja tal-allegata preżenza ta’ Cardona f’burdell il-Ġermanja.

“Kontrina Cardona qal li mhux se jagħmel sekwestru, għalkemm aħna investigajna l-istorja in kwistjoni wkoll, imma kontra Caruana Galizia iva, għax skontu dik mhux ġurnalista. Allura,” staqsa Demicoli, “min se jagħżel min huwa l-ġurnalist? Min se jagħżel kontra min jista’ jsir sekwestru u kontra min, le? Ma naqbel xejn li ssir din id-differenza. Caruana Galizia hija ġurnalista.”

Dwar il-kritika kontinwa li ssir fil-konfront ta’ Caruana Galizia dwar attakki fuq persuni privati u kwistjonijiet privati, Demicoli jgħid li “dejjem nippuntaw subgħajna lejn Caruana Galizia, però naħseb li huwa importanti li nħarsu lejna nfusna u nistaqsu wkoll jekk aħna fis-servizzi u l-istejjer tagħna ġiliex weġġajna nies.” 

 

Jean Claude Micallef

Jean Claude Micallef
‘Kif se tikkwantifika l-ħsara li saret lil ħafna nies?’

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Jean Claude Micallef, xandar u preżentatur fuq l-istazzjon tal-PN u għal żmien membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Huwa saħaq li “għandek ċerta element ta’ ħdura. Ladarba ma jmissx lilek, mhux problema tibqa’ għaddej, meta tmiss lilek imbagħad tieqaf.”

Micallef jgħid li hu jiddefendi d-dritt tal-espressjoni, “imma mhux min jabbuża mill-istess libertà. Mhux min jabbuża minn dik il-libertà għad-detriment tiegħu, ta’ dawk ta’ madwaru u għad-detriment tal-ġurnalisti kollha,” sostna Micallef. “Kif se tikkwantifika l-ħsara li saret fuq ir-reputazzjoni tan-nies?” kompla jistaqsi.

Għall-mistoqsija dwar jekk f’dan il-każ qed jiġi attakkat il-messaġġier mhux il-messaġġ, Micallef sostna li huwa importanti li min qed jikteb jissostanzja dak li qed jikteb. “Inkella jekk dak li tikteb, tiktbu bi preġudizzju, bilfors li jintefa’ dawl fuq il-messaġġier. Jien nemmen li f’dan il-każ, Cardona kellu kull dritt jieħu l-azzjoni li ħa.”

 

Frank Psaila

Frank Psaila
‘Meta tipprova toqtol ġurnalist bil-ġuħ tagħmel ħsara lid-demokrazija’

L-ILLUM għamlet kuntatt ukoll ma’ Frank Psaila, preżentatur tal-programm Iswed fuq l-Abjad fuq l-istazzjon tal-PN. Huwa jisħaq li l-kwistjoni kollha tmur lil hinn mill-allegata żjara ta’ Cardona f’burdell. “Jekk ħaddieħor jagħżel it-triq tal-Ministru, il-media f’pajjiżna se tkun taħt theddida kbira u serja. Meta ġurnalist,” kompla jgħid Psaila b’referenza għas-sekwestru, “tipprova toqtlu bil-ġuħ tkun qed tagħmel ħsara kbira li-demokrazija.”

Psaila kompla jgħid li kull sekwestru li sar kien ħażin, f’kull okkażjoni u semma l-kwistjoni ta’ sekwestri li saru fil-konfront tal-Maltatoday u The Times. “Bir-raġun jilmentaw li dakinhar ftit kien hemm qabeż għalihom.”

Filwaqt li qal li hija ħasra li l-affarijiet kienu l-istess taħt gvernijiet Nazzjonalisti laqa’ l-wegħda ta’ Simon Busuttil biex jitneħħa s-sekwestru fuq ġurnalisti u appella biex il-PM Muscat jieħu l-inizjattiva u jidħol f’diskussjonijiet ma’ Busuttil, “u jimplimentaw dawn il-bidliet mingħajr dewmien.”

Huwa temm jgħid li “fl-aħħar il-pinna tirbaħ fuq ir-rikatt.”

 

Kurt Sansone

Kurt Sansone
‘Ma naqbilx mas-sekwestru imma mhux se nuri solidarjetà ma’ DCG’

L-eks Editur tal-ILLUM Kurt Sansone, illum ġurnalist ma’ The Times of Malta wkoll tkellem dwar il-kwistjoni. Minkejja li jagħmilha ċara li jħoss li sekwestru fuq ġurnalist, f’każ il-Qorti li jista’ jieħu żmien twil, huwa ħażin, huwa jagħmilha ċara wkoll li mhux se jkun qed juri ebda forma ta’ solidarjetà ma’ Caruana Galizia.

Sansone, li għamilha ċara  li qed jitkellem fil-kapaċità tiegħu personali u  mhux f’isem il-Kamra tal-Aħbarijiet li jaħdem magħha, fakkar li l-kitba ta’ Caruana Galizia “ħafna drabi attakkat nies innoċenti li l-unika att kriminali tagħhom kien li huma relatati ma’ politiku jew persuna pubblika.”

L-eks Editur tal-ILLUM ilaqqam ukoll il-kitba ta’ Caruana Galizia bħala waħda ta’ ipokrezija. “Dak li ġustament tgħid li huwa ħażin fix-xenofobija lejn l-immigranti, qed tipprattikah hi stess kontra l-Laburisti, n-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta u dawk li mhumiex fl-istess klassi soċjali tagħha.”

Sansone, xorta jgħid li Cardona għandu jirtira l-ordni ta’ sekwestru u jitlob lill-Qorti tisma’ l-każ b’urġenza. 

 

Aleander Balzan

Aleander Balzan
‘L-attakki fuq nies privati issa għandhom il-barka ta’ Simon Busuttil’

Ma’ l-ILLUM tkellem ukoll il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjon ONE. Huwa sostna li “l-iżviluppi fl-aħħar sigħat huma prova, jekk qatt kellna bżonn, kemm Daphne Caruana Galiza u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, huma ħaġa waħda. Illum dawk il-mijiet ta’ ċittadini, ħafna minnhom privati, li kienu attakkati personalment minħabba t-twemmin tagħhom jafu li dan kollu għandu l-barka tal-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil.”

Balzan kompla jgħid li llum dawk li sfaw attakkati bil-mard tagħhom, jafu li dak għandu l-barka tal-Partit Nazzjonalista. “Dawk li meta qrabathom mietu kien hemm min iċċelebra b’kitbeitu jafu li għal Simon Busuttil din hija aċċettabbli, għaliex għalih din hi difiża tal-libertà.”  

Il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Laburista  qal li għandha ssir distinzjoni ċara bejn ġurnaliżmu u “l-attakki insensati u ta’ mibegħda fuq l-individwi. Attakki insensati, li ġieli nvolvew tfal.”

Huwa temm jgħid li l-ebda ġurnalist m’għandu ċertifikat jattakka bl-addoċċ bl-iskuża tad-demokrazija. “Il-ġurnaliżmu għandu drittijiet u dmirijiet.”

 

Saviour Balzan

Saviour Balzan
‘Iktar jinkwetani l-faxxiżmu u t-terroriżmu ta’ din il-mara’

L-Editur Maniġerjali ta’ Mediatoday Saviour Balzan qal li dan il-każ huwa bejn Ministru li qed jiġġieled għall-futur politiku tiegħu u “l-ambaxxatriċi tal-ġurnaliżmu taż-żibel (gutter journalism).” Huwa qal li filwaqt li Daphne Caruana Galizia għamlet gwerra kontra l-avversarji politiċi tagħha, dawk li tqis bħala nies li qed jkunu użati mill-PL u kritiċi tal-PN, “meta xi ħadd isemmi l-episodji personali tagħha tinbidel f’urugan li jeqred dak kollu u kull min jiġi quddiemha. M’hemm xejn ħażin li titkellem dwar l-avventuri sesswali, l-evażjoni tat-taxxa u t-tfal ta’ ħaddieħor imma meta xi ħadd jitkellem dwarha, tgħid li hemm xi ħaġa ħażina.”

Balzan akkuża lil Caruana Galizia li tinsab f’sinerġija mal-grupp li jdawwar lill-Kap tal-PN Simon Busuttil “li għamilha ċara li qed jagħtuha appoġġ. M’għandu l-ebda rispett lejn ġurnaliżmu veru imma biss lejn propoganda li taqdi l-kampanja tiegħu.”

L-Editur Maniġerjali tal-Mediatoday jagħmilha ċara wkoll li hu kontra sekwestru u jfakkar li l-gazzetta Maltatoday kienet mhedda bl-istess azzjoni għall-ammont ta’ €2 miljuni. ‘Fejn kien kulħadd meta l-Mediatoday kienet immultata eluf ta’ ewro wara rapport mill-Awtorità tal-Logħob?” Huwa jgħid li daqs kemm jinkwetawh is-sekwestri, jinsab “iktar inkwetat mill-faxxiżmu u t-terroriżmu ta’ mara b’karattru mibni fuq il-kattiverija, il-mibgħeda klassista u l-politika tal-apartheid. Il-preżenza ta’ bloggers daqstant malizzjużi mhux qed jgħin biex jattora nies diċenti jikkunsidraw alternattivi politiċi...wasal iż-żmien li naraw l-affarijiet għal dak li verament huma.”

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook