Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘Fil-PN hemm predominanza klassista li jqisuna ħamalli u inferjuri għalihom’

 Jien iddejjaqni l-politika fejn niġi mgħajra għal xi ħaġa privata, jew fejn uliedek jiġu mżeffnin għax huma tiegħek, fejn int tpoġġi l-persuni qrib tiegħek f’periklu li jiġu ridikolati. Li nħammġu, nirridikolaw u ngħajru bi problemi ta’ saħħa issa missejna l-qiegħ’

John Busuttil minn Brussell / 13 ta' Frar 2017 08:46
F’Intervista esklussiva li l-ILLUM għamel mal-membru Soċjalista tal-Parlament Ewropew fi Brussell, Miriam Dalli fi tkellmet dwar dak li qed jiġri fil-politika Maltija bħalissa. Fejn fost suġġetti oħra qalet kif tħossha u kif ħassitha minn dejjem bħala laburista dwar kummenti klassisti li tfaċċaw dan l-aħħar fost in-Nazzjonalisti “Minn dejjem hekk kienu. Niftakar meta konna mmorru l-attivitajiet fl-elezzjoni tal-1996, in-Nazzjonalisti dejjem kienu jqisu lil laburisti ħamalli u injoranti. Li tan-naħa t’isfel huma ħamalli tingħad b’mod regolari. Il-problema minn dejjem kienet ta’ aħna u huma u dan fi gżira daqs naqra. F’popolazzjoni ta’ 400,000 persuna kif tista tara d-differenza bejn in-naħa  t’isfel u ta’ fuq? Iżda l-mentalita ta’ huma u aħna ilha ħafna fost ċertu nies u sfortunatament naraha l-aktar fil-partit nazzjonalista. Għax bil-paroli faċli tgħid li int qrib tiegħi iżda jekk trid turi kemm int qrib tiegħi trid turiha bil-fatti. Għalkemm il-partit nazzjonalista jipprova jagħti l-impressjoni li hu qrib in-nies u li ma teżistix din id-distinzjoni, l-idea t’aħna u huma għadha hemmhekk. Biżżejjed tidħol fil-facebook u tara ċertu kliem li jingħad u minn min. Mhux l-ewwel darba li ġejna mgħajrin injoranti jew stupidi. ”

Miriam Dalli qalet li hi ma tħarisx lejn in-nazzjonalisti b’xi mod differenti “Jien inħares lejn kulħadd l-istess għax għalija l-ewwel u qabel kollox aħna nies umani, aħna maltin, poplu żgħir u jekk mhux se nkunu kapaċi niġbdu ħabel wieħed  jew jekk qegħdin fuq dgħajsa u ma nimxux fl-istess direzzjoni għandna problema serja. Fl-istess waqt ma rridx nagħti l-impressjoni li n-Nazzjonalisti huma kollha l-istess, għax għandi ħbieb nazzjonalisti li ma jarawx lil laburisti bħala ħamalli. Iżda nemmen li jeżistu ċerti gruppi predominanti fil-Partit nazzjonalista li jħossuhom aktar superjuri mil-laburisti, li għalihom aħna ġens inferjuri. Riċentament dan il-grupp qed jgħolli rasu sew fil-PN.”

Bħalissa fuq fomm kulħadd hemm il-każ tal-libell li għamel Chris Cardona lil Daphne Caruana Galizia u li talab l-iffriżar ta’somma flus, “l-ewwel irridu nkunu ċari li l-qorti mxiet skont il-liġi li għandha quddiemha għax dan mhux il-gvern ħadha d-deċiżjoni. Din il-liġi qiegħdha hemm biex tissalvagwardja l-interessi tiegħu jekk tinqata favurih u jekk bil-kontra jrid iħallas l-interessi fuq il-flus li jkunu ffriżati” qalet Miriam Dalli li hi avukat fejn anke serviet snin twal bħala ġurnalista, “Jekk qed ngħidu li hemm ċertu liġijiet fil-konfront tal-ġurnalisti li għandhom jinbidlu ma nafx x’qed jistennew iż-żewġ naħat biex jiftehmu u jibdluhom.

“Ejja ngħidu l-fatti kollha wkoll li l-protezzjoni għandha ssir fuq il-ġurnalisti kollha nkluż meta jkollok deputat nazzjonalista jirraporta ġurnalista lil pulizija għax din mhux l-ewwel darba li ġrat. Imbagħad d-dover tal-ġurnalist hu li jgħid l-affarijiet meta jkollu l-prova ta’ dak li jgħid jew jikteb. Għax ħafna drabi qed nispiċċaw li fuq il-midja soċjali kulħadd jgħid li jrid fuq kulħadd. U meta xi ħaġa tkun interessanti għan-nies , anke jekk ma tkunx ippruvata ssir realta f’moħħ ħafna nies. U dik hi li rridu noqogħdu attenti minnha. Niftakru wkoll li meta tħammeġ persuna għandu t-tfal u l-ġenituri tiegħu, irrelevanti minn dan il-każ iżda fil-każijiet kollha. Jekk għandek raġun ejja u għamel l-argument tiegħek, iżda li nħammġu n-nies, nirridikolawhom, li nħammġu t-tfal tan-nies u ngħajru bi problemi ta saħħa, naħseb li onestament missejna l-qiegħ.”

Meta l-partit tagħha kien fl-oppożizzjoni u hi kienet tagħmel parti min-newsroom tas-Super One kien hemm każi fejn rapporti tas-Super One ġew libellati, “kien hemm diversi stejjer li għamlulna libelli. Kien hemm każi li rbaħnihom u oħrajn li tlifnihom mhux fuq jekk kinux veritieri iżda għax ikun hemm xi ħaġa żgħira fir-rapport li teħel biss fuqha u titilfu. Imma l-ġurnaliżmu l-bażi tiegħu trid tkun fuq il-verita. Vera li int trid toqgħod fuq is-sorsi tiegħek imma dawk is-sorsi jrid ikollhom ukoll il-provi ta’ dak li jgħidulek. Għax jien nista ngħidlek ħafna affarijiet li ma jkunux vera. Mhux kulma ngħidlek trid tmur tiġri tiktbu. Għandna l-liberta tal-espressjoni u għandek id-dritt li jkollok iċ-‘checks and balances’. Bħal per eżempju, il-ġurnalisti, l-oppożizzjoni, il-politiċi dawk huma l-għodda li fihom isiru iċ-‘checks and balances’. Li titfa t-tajn fuq allegazzjonijiet mhux ppruvati mhix aċċettabbli assolutament.”

Dwar id-differenza li tara fil-politika Ewropea u dik Maltija Miriam Dalli qalet li għaliha l-politika hi tagħmel il-‘policies’, fejn tiġi kritikat jekk l-‘istand’ li tkun ħadt ma tkunx tajba jew mhix tajba biżżejjed. “U dan hu x-xogħol li qed nagħmel fejn anke jekk ma jintgħoġobx minn  kulħadd, niddibattu l-idejat u mhux il-persuna. Jien iddejjaqni l-politika fejn niġi mgħajra għal xi ħaġa privata, jew fejn uliedek jiġu mżeffnin għax huma tiegħek, fejn int tpoġġi l-persuni qrib tiegħek f’periklu li jiġu ridikolati. Din il-politika Maltija ma tgħoġobnix u din hi d-differenza bejn il-politika Maltija u dik Ewropea.”

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook