Cardona: 'Daphne hija blogger li tippubblika gideb bla bażi, intiżi biss biex ikissru lin-nies'

Chris Cardona jiftaħ il-kanuni fuq DCG...jakkużaha illi bniet karriera tgħajjar u tinsulenta lin-nies bil-mard, mewt u b'uliedhom u li kull min qed jaqbeż għaliha qed jagħmel 'disservizz lill-ġurnaliżmu' - DCG twieġeb....

Chris Cardona (arkivji)
Chris Cardona (arkivji)

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona fi stqarrija ilejla sostna illi jemmen fil-libertà tal-espressjoni ħielsa u ta'  assigurazzjoni lill-ġurnalisti li huma ħielsa fix-xogħol ġurnalistiku tagħhom. 'Anzi, il-ġurnalisti għadhom ikunu mħeġġa jkomplu bix-xogħol ta’ skrutinju serju tagħhom,' sostna Cardona.

l-gideb intiż biex ixerred il-ħdura, il-mibgħeda u l-firda mhuwiex ġurnaliżmu Chris Cardona

Minn naħa l-oħra Cardona saħaq illi 'l-gideb intiż biex ixerred il-ħdura, il-mibgħeda u l-firda mhuwiex ġurnaliżmu. Ħadd ma għandu juża’ l-professjoni ġurnalistika serja biex jgħid li jrid u jkasbar bi ħdura u b’gideb lil kwalunkwe persuna kemm fil-ħajja pubblika u anke barra minnha,' kompla Cardona fi stqarrija iebsa diretta lejn Daphne Caruana Galizia. 

'Daphne Caruana Galizia hija blogger li tippubblika gideb bla bażi, intiżi biss biex ikissru lin-nies bi stejjer ivvintati fosthom fuq mard, mewt, tfal u persuni mejtin. Dan il-gideb ikollu effett mhux biss fuq min huwa fil-ħajja pubblika, imma anke fuq il-familji tagħhom mingħajr konsiderazzjoni ta’ xejn. Dan il-gideb u tgħajjir sofrew minnu nies ta’ twemmin politiku differenti,' qal Cardona.

Huwa kompla jgħid li hija din ir-raġuni li apparti l-libelli, saru wkoll mandati ta’ sekwestru. 'Min qiegħed jiddefendi lil din il-blogger mhuwiex ikun ta’ servizz għall-ġurnalizmu serju. Min jikklassifika l-istejjer li huma gideb sfaċċat, malafamanti u bla bażi ta’ din il-blogger bħala ġurnalizmu qiegħed ikun ta’ disservizz kemm għall-ġurnaliżmu, kif ukoll għal-libertà tal-espressjoni.'

Kif spjegat aktar kmieni u kif anke osservat fi stqarrija tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, għalkemm il-Ministru Cardona se jkun qed jiftaħ libelli oħrajn fil-konfront tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, mhux se jkun qed jagħmel mandati fil-konfront tagħhom.

DCG: 'L-implikazzjoni hija theddida għad-demokrazija u l-liberta tal-kelma'

Intant fi stqarrija il-blogger Daphne Caruana Galizia sostniet illi s-sekwestru hija piena għal ġurnalist qabel ma biss il-każ beda jinstema. 'L-implikazzjonijiet fuq id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni huma terribbli. M'hemm l-ebda proċess ta' skrutinju,' kompliet tgħid Caruana Galizia, 'għal-libelli ċivili u l-politiċi jistgħu jtellgħuk il-Qorti fuq bażi frivola.' 

Il-blogger, li bħalissa tistà tgħid illi għaddejja fi gwerra sħiħa li l-Ministru Chris Cardona mar f'burfell fil-Ġermanja, allegazzjonijiet li s'issa għadhom mhux pruvati, qalet illi s-sistema kif inhi tħalli lok għall-abbuż kontra l-ġurnalisti li jesponu politiċi. 'M'hemm xejn xi jżomm lill-politiku milli jiftaħ proċeduti, jitlob sekwestru, bil-każ imbagħad ikompli għal żmien twil għal raġunijiet malizzjużi.' 

kemm Cardona kif ukoll Gerada qed juru illi 'huma kollox imma mhux innoċenti...hekk kif preferew li jaħarbu mill-midja Daphne Caruana Galizia

Dwar l-allegazzjonijiet infushom Caruana Galizia tgħid illi b'għemilhom kemm Cardona kif ukoll Gerada qed juru illi 'huma kollox imma mhux innoċenti...hekk kif preferew li jaħarbu mill-midja u qed jistennew il-Qorti minflok naddfu isimhom mal-ġurnalisti issa.' 

PN: 'Azzjoni estrema u politika tal-mannara'

Intant il-PN sejjaħ l-iffriżar tal-assi bħala 'attakk estrem fuq il-libertà tal-istampa u tal-espressjoni u theddida ċara għad-demokrazija f'pajjiżna.'

Il-Pn ikompli jgħid li  'għax jafu li hemm xhieda diversa li kollha turi li huma kienu f’burdell ma’ prostituti fil-Ġermanja meta kienu qed jirrappreżentaw lil Malta u lill-Presidenza Ewropea fuq stedina tal-Gvern Ġermaniż, id-Deputy ta’ Joseph Muscat u l-konsulent tiegħu raw kif jippruvaw jattakkaw il-libertà tal-espressjoni bill-qilla kollha li jistgħu.'

'Tabilħaqq politika tal-mannara,' temm jgħid il-PN b'referenza għall-kummenti li kien għadda Cardona waqt il-kampanja għall-elezzjoni ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. 








 

More in Politika