Beppe, Tonio, Konrad u Schembri mitluba jidhru quddiem il-kumitat tal-Panama Papers

Nhar it-Tlieta fi Brussell se jkompli jiltaqa' l-kumitat ta' inkjesta fuq ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa (PANA)

Dak hekk imsejjaħ il-kumitat tal-Panama Papers tal-Parlament Ewropew (PANA) hu fil-fatt il-kumitat li jinvestiga fl-Unjoni Ewropea l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa madwar l-Ewropa.  

Dan il-kumitat qed jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu u issa sar magħruf li barra li jridu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jixhdu dwar il-kontijiet li fetħu l-Panama, talbu biex jitilgħu jixhdu wkoll lil Beppe Fenech Adami u lil Tonio Fenech. Il-kumitat fil-fatt ser jiltaqa' nhar it-Tlieta fi Brussell u għandu laqgħat anke l-Ħamis u t-Tlieta ta' wara qabel jinżel Malta fl-20 ta' Frar.

Beppe Fenech Adami kien direttur ta'  Baltimore Fiduciary Services u li kellha shares fil-CapitalOne, li fl-2013 kienet investigata mill-Olanda u l-awtoritajiet lokali dwar alegazzjonijiet ta' ħasil ta' flus.

Tonio Fenech bħala direttur ta' Falcon Funds li qed jiġu investigati mill-awtorità tal-ekonomija kriminali fl-Iżvezja li ma ħallistx lura 247 miljun ewro lil 22,000 investitur.

Anke Konrad Mizzi u Keith Schembri ntalbu jitilgħu jixhdu f'din l-investigazzjoni minħabba l-ftuħ tal-kontijiet sigrieti fil-Panama. Fost dawk mitluba jixhdu hemm ukoll l-eks Ministru Nazzjonalista Ninu Zammit, li kellu 3.2 miljun dollari f'kont sigriet fl-Iżvizzera. Anke Mary Ellen Mercieca, impjegata taċ-ċivil bħala segretarja tal-affarijiet rurali fil-ministeru tal-amministrazzjoni l-oħra hi mitluba tixhed bħala benefiċjarja ta' kumpanija fil-British Virgin Island li kienet reġistrata minn Nexia BT Ltd.

More in Politika