Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Aġġornata | Salvu Mallia: 'L-abort huwa dritt tal-mara...il-politiku m'għandux jindaħal'

...il-kandidat tal-PN jemmen li l-ewtanasja u l-abort m'għandhomx jibqgħu illegali imma jsiru l-għażla tal-individwu

Albert Gauci Cunningham / 8 ta' Jannar 2017 17:03
Salvu Mallia: L-abort u l-ewtanasja għażla tall-individwu
Min qatt setà immaġina li l-ewwel politiku apertament ‘pro-choice’, jiġifieri favur li l-abort m’għandux jibqa’ illegali imma jsir proċess li dwaru tiddeċiedi l-mara, kellu jkun kandidat tal-Partit Nazzjonalista? Partit li, xi ftit jew wisq, għadu meqjus aktar konservattiv fuq kwistjonijiet soċjali.

Fil-fatt, u għall-korrettezza, l-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia, personalment, huwa kontra l-abort, imma jħoss li dan għandu jkun l-għażla personali tal-individwu. F’intervista li kienet ippublikata illum fuq il-gazzetta ‘The Sunday Times’  Salvu Mallia jisħaq illi għalkemm hu kontra l-abort, xorta jħoss li dan għandu jkun l-għażla tal-individwu, mhux ta’ Gvern.

Dan jagħmel lil Salvu Mallia l-ewwel kandidat Malti pro-choice u definittivament l-ewwel politikant (u l-unika s'issa) fil-Partit Nazzjonalista li jħoss illi għandha tkun il-mara li tiddeċiedi d-destin tat-tarbija fil-ġuf u mhux l-istat.

F’intervista fuq l-istess gazzetta u mistoqsi dwar x’jobgħod l-aktar fil-Partit Nazzjonalista Mallia mill-ewwel irrisponda ‘l-konservattiviżmu’. Mallia, magħruf bħala persuna bi twemmin xellugi u soċjalment liberali, sostna li ‘jien favur l-ewtanasja, favur id-divorzju u favur iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.’

‘Jekk jien qed inbati u rrid immut kif jiġi xi deputat u jiddeċiedi għalija?’ saħaq Mallia, li reġa tenna li hu ma jista qatt jaċċetta din it-tip ta’ politika. Dwar l-abort, Mallia saħaq illi l-Gvern għandu jagħmel gwida u jeduka, ‘imma ngħiduha kif inhi, min irid jagħmel abort xorta jistà jagħmlu. L-abort ilu jsir mis-70ijiet u 80ijiet.

Il-Partit Nazzjonalista, bħall-Partit Laburista, minn dejjem kien kontra l-introduzzjoni tal-abort jew id-dikriminalizzazzjoni tiegħu, tant li bħala suġġett qatt, jew ftit li xejn, ġie diskuss. 

Intant, wara l-kummenti li għadda Mallia, kienu bosta dawk li rreaġixxew. Fost l-oħrajn, kien hemm il-grupp kontra l-abort 'Gift of Life', li sostnew li "jinqatlu t-trabi f'isem l-għażla personali hija kompletament inaċċettabbli." Għaldaqstant, appellaw sabiex il-votanti joqogħdu 'attenti ħafna' lil min jappoġġjaw bil-vot tagħhom.

F'kummenti bħala reazzjoni, il-grupp qal li l-PN ma għamel l-ebda tentattiv sabiex jassigura li se jkun qed ikompli jipproteġi l-valuri favur il-ħajja, mingħajr eċċezzjoni. "Għaldaqstant, mhuwiex ċar jekk il-Partit biddilx il-pożizzjoni tiegħu b'mod radikali, u issa jaqbel mal-qtil tat-tarbija mhux imwielda, l-anzjani u l-morda," komplew jgħidu l-Gift of Life.

Fakkru wkoll lill-partiti politiċi kollha li mhux aċċettabbli, u inkonsistenti li xi ħadd jgħid li huwa, "personalment kontra l-qtil ta' oħrajn, u fl-istess ħin tkun favur li jkun hemm l-għażla sabiex xi ħadd jagħmel dak li int stess qed tgħid li kontrih."

Fl-istess waqt, kien hemm għadd ta' attivisti anke mill-għeruq tal-Partit li tkellmu kontra l-kummenti li għadda l-kandidat Nazzjonalista. Fost l-oħrajn kien hemm l-attivisti Michael Seychell u Giovanni DeMartino, li dan tal-aħħar, saħansitra appella sabiex Mallia jitkeċċa u jitneħħa minn kandidat. Il-kandidat u preżentatur Jean Claude Micallef qal, "id-dritt tal-ħajja għandu jkun prottett mill-Istat, u għandu l-obbligu li jipproteġi lill-iktar vulnerabbli."

Fil-fatt, kien hemm pressjoni qawwija fl-aħħar sigħat minn diversi persuni sabiex tittieħed azzjoni jew inkella jsiru linji gwida għall-kandidati biex dawn ikollhom isegwuhom.

Dan mhux ġdid, hekk kif kemm il-ġurnal The Times  u anke l-gazzetta Kullħadd kienu żvelaw li ġew imqassma cirkulari fost il-membri tal-partit biex it-tmexxija tneħħi minn kandidat lil Salvu Mallia.

Nota editorjali dwar il-kumment ta' Salvu Mallia taħt l-istorja - Fid-dawl tal-akkuża li qed jagħmel Salvu Mallia li dan is-sit qed jgħid affarijiet li ma qalx hu u akkużi oħrajn infakkru biss illi dan ir-rapport jikkwota bl-aktar mod korrett u fidil dak li qal fl-intervista fuq is-Sunday Times. Dan is-sit fedelment  irraporta bil-kliem ''Fil-fatt, u għall-korrettezza, l-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia, personalment, huwa kontra l-abort, imma jħoss li dan għandu jkun l-għażla personali tal-individwu, mhux ta’ Gvern..' Din hija mera eżatta ta' dak li qal fuq l-istess gazzetta jiġifieri : 'I am against abortion but I think it is something personal and should be decided by the person, not by the government.'

Dwar il-kumment tal-legalità is-sit iħoss li għandu jfakkar illi biex xi ħaġa tkun għażla personali, kif qed jippropoga Mallia, bilfors trid tkun legali inkella mhi għażla xejn. L-abort ma jistax ikun għażla jekk jibqa' illegali.  

Fid-dawl ta' dan ħassejna bħala illum.com.mt li l-kumment in kwistjoni kien ferm inġust u attakk bla bażi u għalhekk ħassejna li kellna nirribattuh.  

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat editur tal-gazzetta Illum f'Lulju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print u magħruf għall-istejjer investigattivi tiegħu. Qabel ma sar ġurnalista kien għalliem tal-Ingliż u jikteb fuq il-ġurnali bħala opinjonista dwar temi soċjali u politiċi.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook