Aġġornata | 'Jason Azzopardi għandu jerfa' r-responsabbiltà talli ndaħal...'

Intant, Jason Azzopardi jiftaħ libell kontra Bonnici... wara li l-Ministru qal li għandu provi li Jason Azzopardi ndaħal biex l-art tal-fabbrika tal-Lowenbrau, tiġi trasferita biċ-ċiċri
 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għamel dalgħodu,  Il-Ministru Owen Bonnici żvela informazzjoni li lanqas l-Awditur Ġenerali ma kien jaf biha, fejn Jason Azzopardi qal lil Zaren Vassallo li se jfittex kompromess wara li nżammet laqgħa bejniethom fuq l-art f’Ħal Qormi fejn kien hemm il-fabbrika tal-Lowenbrau u li hija stmata li tiswa €8miljuni.

Bonnici tenna li Jason Azzopardi mhux biss kien jaf bil-fajl tal-każ kif qal l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu, iżda aktar minn hekk, iltaqa’ ma’ Zaren Vassallo. Bonnici fakkar kif "l-eks Ministru Nazzjonalista jkun minn ta’ quddiem nett biex jitkellem fuq ħaddieħor u biex jgħajjar lil kulħadd korrott, iżda wara li ħareġ dan ir-rapport li fih l-Awditur Ġenerali qed jgħid bl-aktar mod ċar li Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabiltà, l-istess Jason Azzopardi m’għamel assolutament xejn."

Il-Ministru Bonnici spjega kif l-art tal-Istabal f’Ħal Qormi ngħatat lil Lowenbrau Ltd fl-1990 bil-kundizzjoni li l-art tintuża biss għal skopijiet ta’ produzzjoni ta’ xorb alkaħoliku u non-alkaħoliku. Fl-2009, LBM Breweries (Lowenbrau Ltd) tiftiehem ma’ Vassallo Builders biex il-kumpanija ta’ Zaren Vassallo tixtri l-ishma kollha tal-kumpanija bil-patt li fiż-żmien seba’ ġimgħat jinfeda ċ-ċens u jiġu kkanċellati l-kundizzjonijiet tal-art fosthom li l-art ma tibqax biss għall-produzzjoni tax-xorb. Owen Bonnici ssokta jgħid li f’Diċembru 2009, il-Gvern Nazzjonalista jaċċetta li jinfeda ċ-ċens tal-art u jinbiegħ id-dirett dominju mingħajr riżoluzzjoni Parlamentari jew tender filwaqt li ġew iliberati l-ħlas taċ-ċens u l-kundizzjonijiet kollha wara li Vassallo Builders iħallsu €465,875.

Wara li l-Kummissarju tal-Artijiet bagħat ittra uffiċjali f’Mejju 2011 kontra Catergroup Ltd (LBM Breweries Ltd) biex jitħassar il-kuntratt illegali ffirmat f’Diċembru 2009, Bonnici allega illi b’intervent dirett ta’ Jason Azzopardi, fit-30 ta’ Jannar 2012, flok tkomplew il-proċeduri legali, jinħatar kumitat ta’ tliet Periti li stmaw il-valur tat-tneħħija tal-kundizzjonijiet  bil-valur tal-1990 biex allura l-valutazzjoni mizera ta’ art li tiswa €8miljuni skont stima tal-Awditur Ġenerali, kienet taqra €706,400, spjega Bonnici filwaqt li saħaq li l-Gvern aċċetta l-istima medjokri tal-1990 biex Vassallo spiċċa biex kellu jieħu mill-Gvern wara li propjetajiet li ta biex iħallas bihom ġew stmati li kellhom valur inqas.

Fl-aħħar nett Owen Bonnici reġa’ fakkar f’dak li qal l-Awditur Ġenerali f’dan il-każ, fejn tenna li Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

Intant, b'reazzjoni għall-akkużi li għamel il-Ministru Owen Bonniċi fil konfront tiegħu, Jason Azzopardi ħabbar li se jkun qed jagħmel libell kontra Owen Bonnici.

Azzopardi ħareġ stqarrija li fiha ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej, hu se jkun qed jiftaħ proċeduri legali ta’ libell kontra l-Ministru Owen Bonnici dwar dak li  Azzopardi ddeskriva bħala "l-gidba li vvinta dalgħodu dwari u kummenti li vvinta li jien għedt fil-konfront ta’ Żaren Vassallo. Din hija gidba mill-bidu sal-aħħar u għaliha, Owen Bonnici se jkollu jwieġeb fil-Qorti," stqarr Azzopardi.

Jason Azzopardi sostna li "Owen Bonnici u l-Gvern lanqas qed jemmnu lill-Awditur Ġenerali u qed jivvintaw affarijiet li l-Awditur Ġenerali qatt ma qal."

More in Politika