Aġġornata bil-filmat | Casa jimmira għas-siġġu ta' Thake

David Casa jgħid li ma jridx ineħħi lil Thake...imma dejjem xtaq ikun segretarju ġeneralli

David Casa wera l-interess u huwa determinat li wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, jekk ikun hemm post vakanti għall kariga ta' segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, hu jikkontesta għal din il-pożizzjoni.

L-MEP David Casa qal dan fil-programm 'Distinti' ppreżentat minn Jean Claude Micallef. Dan minkejja li fil-preżent, m'hemm l-ebda talba pubblika biex isir tibdil f'din il-pożizzjoni, li fil-preżent hi okkupata minn Rosette Thake, u li ilha biss f'dan l-irwol għal dawn l-aħħar sena u nofs. 

Thake kienet ġiet maħtura bħala l-ewwel segretarju ġenerali tal-PN mara, wara li ġiet eletta fl-elezzjoni għal din il-kariga, b'70 vot minn 74, li iżda ma kellha l-ebda kandidat ieħor x'tegħleb.

Minkejja dan kollu, is-segretarju ġenerali Thake nnifisha, lanqas uriet xewqa li ma tibqax f'din il-kariga.

Dan is-sit huwa infurmat iżda, li hemm bosta elementi fil-PN li mhuma kuntenti xejn bil-ħidma ta' Thake, tant li huma bosta li qed jarawha ineffettiva, kemm bħala preżenza fuq il-media, kif ukoll fi ħdan il-ħidma interna tal-Partit.

Interessanti wkoll il-fatt, li d-dikjarazzjoni ta' Casa tiġi ftit wara li l-PN ħatar lil Caroline Muscat biex tmexxi l-kampanja elettorali tal-Partit, anke jekk dan ix-xogħol kien dejjem fdat f'idejn is-segretarju ġenerali.

Għall-mistoqsija ta' Micallef fuq il-programm imtella' fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, jekk jikkunsidrax jikkontesta għall-kariga ta' segretarju ġenerali, Casa wieġeb, "Iva," bla tlaqliq.

Intant, l-MEP Casa fi dritt ta' risposta qal li ma jridx ineħħi lil Thake, iżda minn dejjem xtaq ikun segretarju ġenerali.

"Nirreferi għall-artiklu bit-titlu ‘Casa jimmira għas-siġġu ta’ Thake’ ppubblikat fuq is-sit www.illum.com.mt illum is-Sibt 10 ta’ Diċembru 2016. Sfortunatament, l-istorja ppubblikata tipprova tagħti x’tifhem ħaġa li hi totalment l-oppost ta’ dak li ġie diskuss fil-programm Distinti.

Filwaqt li, minn dejjem, esprimejt il-ħeġġa tiegħi li xi darba fil-karriera politika tiegħi, nservi bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, nassigura lill-qarrejja tas-sit Illum li assolutament “minix qed nimmira għas-siġġu ta’ Thake” kif allegat mill-istess sit.

Jien u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake għandna relazzjoni tajba ħafna u flimkien mal-amministrazzjoni kollha tal-Partit - inkluż il-Kap Simon Busuttil - qed naħdmu id f’id biex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu Gvern ġdid li jeqred is-sistema korrotta li ħakmet it-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.

Fil-kariga tagħha bħala Segretarju Ġenerali, Rosette Thake ħadmet lejl u nhar fl-amministrazzjoni tal-Partit kif ukoll biex il-kumpanija tal-media tal-Partit setgħet tkompli tagħmel passi ‘l quddiem.

Min-naħa tiegħi, inħossni kburi li l-poplu Malti u Għawdxi fdani biex nirrapreżentah fil-Parlament Ewropew u dan se nkompli nagħmlu b’sens ta’ lealtà u mħabba lejn pajjiżi."

L-MEP David Casa fil-programm Distinti ta' Jean Claude Micallef

More in Politika