FILMAT | ‘Ma niffirmahx kif inhu’

Qabel jgħaddi mill-iskrutinju pubbliku, Deborah Schembri mhi se tiffirma l-ebda masterplan

Mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, sostniet li kieku il-masterplan ta’ Paceville kellu jiġi quddiemha, eżattament kif inhu bħalissa ma tiffirmahx. “Le ma niffirmahx,” sostniet Schembri mal-ILLUM, “għax l-iskrutinju tan-nies ma jkunx għadu sar. Dan huwa biss l-ewwel draft li fuqu se naraw kif se nimxu. Huwa bħall-ewwel pjanta tal-perit għad-dar tiegħek, li minnha se nbiddlu.”

filmat: Deborah Schembri

“Masterplan jew le, Paceville se tinbidel u Paceville ta’ għaxar snin oħra mhux se tkun bħal dik tal-lum,” sostniet Schembri li saħqet li l-bidliet proposti huma speċifikament immirati biex jilqgħu għall-iżvilupp kbir li mistenni jsir f’din iż-żona.

Biex tikkalma l-biżgħat ta’ individwi li għandhom il-proprjetà mmarkata għall-esproprijazzjoni, Schembri fakkret li espropriju tal-privat “huwa differenti ħafna minn espropriju ta’ art tal-Gvern. Jekk jien irrid ngħaddi triq minħabba bini ta’ torri, per eżempju, din trid tkun comprehensively developed. Dan ifisser li ma jkunx jista’ jsir jekk mhux bi qbil u b’kumpens li jissodisfa lir-resident. “Fejn ir-residenti ma jaqblux jew ma jaslux għal ftehim mal-privat, il-proġett ma jsirx. Huwa l-intraprenditur, li jrid mir-resident, u mhux il-kontra.”

Mal-ILLUM tgħid ukoll li ċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg ma kellu ebda obbligu li jinformaha dwar possibbli kunflitt ta’ interess ta’ Mott Mac Donald, il-moħħ wara l-masterplan u l-kumpanija li kienet qed tagħti konsulenza lill-iżviluppatur ta’ Mercury House. “Jekk l-Awtorità, li hi distinta mill-Gvern, ħasset li ma kienx hemm kunflitt ta’ interess ma kellha ebda obbligu tinformani.”

‘Buttigieg ma kienx obbligat jinfurmani la ħass li ma kienx hemm kunflitt’

Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg
Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg

‘Aħna għamilna Awtorità distinta mill-Gvern, u mhux se nkun jien li niddetta l-operat ta’ kuljum tagħha. Jiena xogħli huwa li nieħu ħsieb il-politiki tal-Awtorità. Għalhekk ngħid li Buttigieg ma kellux obbligu.”

Schembri kompliet tgħid li jekk Buttigieg qed jara li f’kumpanija ta’ 16,000 impjegat, f’pożizzjonijiet differenti, li kienet qed tħaddem il-fergħa tagħha biex tagħti konsulenza dwar it-teknika ta’ bini ta’ torri lill-ariktetti tal-imprenditur, m’għandhiex kunflitt ta’ interess meta tħaddem fergħa differenti. Allura ma kellux obbligu jinformaha. Hi fakkret li Buttigieg seta’ wasal għall-konklużjoni li m’hemmx kunflitt ta’ interess, minħabba l-operat mill-aktar iddixxiplinat li bih topera Mott Mac Donald, fejn dipartiment ma jkunx jaf x’qed jagħmel dipartiment ieħor.

“Imma le, il-Gvern ma kienx jaf u l-awtorità ma kinitx obbligata la ma ħassitx li kien hemm kunflitt. Minkejja dan, xorta lesti nkomplu nisimgħu biex inserrħu moħħ il-poplu.”

Il-pjazza proposta fil-masterplan fejn illum tinsab it-triq prinċipali b’għadd ta’ klabbs
Il-pjazza proposta fil-masterplan fejn illum tinsab it-triq prinċipali b’għadd ta’ klabbs

‘Kieku kien il-prodott finali, nifhem’  

L-ILLUM irrimarkat mas-Segretarju Parlamentari Schembri li kif propost il-masterplan, hemm żviluppaturi bħal ta’ Mercury House li se jaraw l-art li jistgħu jiżviluppaw, tikber b’mod sostanzjali ħafna, apparti li se jiżdiedu s-sulari biex issa l-bini propost jista’ jitla’ għal 35 sular. Dan apparti, li l-pjazza proposta bħala kundizzjoni għall-iżvilupp f’Mercury House, kienet  imneħħija biex issir post ieħor. Allura mhux naturali li n-nies, u anke negozjanti, se jaħsbu li dan il-masterplan qed jiffavorixxi lil żviluppatur partikolari?

Il-bajja ta’ San Ġorġ kif proposta fil-masterplan għal Paceville
Il-bajja ta’ San Ġorġ kif proposta fil-masterplan għal Paceville

 “Kieku dan huwa l-prodott finali nifhem, imma mhux. Għadu biss il-bidu, qisu kejk nofs sajran.”

Bużżieqa li tista tinfaqa’

Hekk iddeskrivew id-draft tal-masterplan il-Kamra tal-Periti f’dokument, aktar kmieni din il-ġimgħa. “Il-volum u d-densità tal-poplazzjoni proposta f’dan il-qafas għandhom il-fatturi kollha ta’ bużżieqa ta’ żvilupp,” sostniet l-istess Kamra. Schembri kif twieġeb?

“Jien m’iniex persuna li xogħli huwa li nippjana, xogħli huwa li noħloq il-politiki tal-ippjanar. Paceville qiegħed isir dejjem aktar importanti u ‘hub’ kbira ta’ impjiegi. Aħna rridu nbiddlu lil Paceville f’indirizz attraenti, f’pajjiż b’ekonomija b’saħħitha.”

Schembri tgħid kif wieħed mill-iżviluppaturi f’Paceville qalilha li 200,000 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċċji diġà ttieħed, anke jekk il-proġett għadu ma bediex, “jiġifieri le, ma naqbilx u hemm bżonn u talba kbira għall-ispazju.”

Se jibqa’ mekka ta’ divertiment?

Imma l-viżjoni tal-Gvern x’inhi? Paceville se jibqa’ l-mekka tad-divertiment li ilna nafuha għal snin twal? Schembri twieġeb fil-pożittiv għalkemm tgħid ukoll li l-Gvern irid jara li jkun hemm titjib.

“X’tip ta’ divertiment isir mill-bieb ’il ġewwa ma tantx jinteressani. Li jinteressana huwa li mill-bieb ’il barra, il-prodott ikun ta’ kwalità, ta’ livell u ta’ preġju. L-iżvilupp propost mill-imprendituri li għandhom artijiet hemm, se jsir. Il-Gvern irid li l-masterplan jilqa’ għal dan.”

Mingħajr masterplan isir l-iżvilupp mingħajr pjani

Schembri tisħaq li mingħajr masterplan, “ikollna t-torrijiet f’Paceville li għandhom kull dritt jitilgħu għax il-Pjan Lokali jippermetti, imma ma jkollokx l-infrastruttura. Ikollok problema ikbar ta’ trasport, sistema tad-drenaġġ, elettriku u anke provvista ta’ internet li ma jlaħħqux.  Jekk ma nippjanawx sew, ma jkollniex pjan ta’ immaniġġjar tal-iskart, ikollna l-wied li hemm Paceville magħluq għall-pubbliku u ma jitgawdiex kif qed jiġri llum, bajja li tibqa’ żgħira u aktar,” sostniet Schembri.

Fl-aħħar hi temmet tgħid li kull min irid jipprotesta għandu kull dritt “imma bħalissa hemm ukoll konsultazzjoni pubblika. Jiġifieri nħeġġeġ lil kulħadd biex jiġi ’l quddiem bil-proposti, ilmenti jew biżgħat għax fl-aħħar mill-aħħar, it-tieni draft tal-masterplan se jkun qed jibni fuq is-sottomissjonijiet tal-pubbliku.” 

More in Politika