FILMAT | ‘Gidba faħxija …’

Aġġornat | David Casa qal li kienet gidba faħxija li Joseph Muscat ġab l-appoġġ tas-Soċjalisti għan-nomina ta’ Tonio Borg għall-Kummisjoni Ewropeja...iżda filmat juri li Tonio Borg stess u anke Simon Busuttil jgħidu l-kontra

Filmat mibgħut mill-Uffiċju tal-komunikazzjoni tal-Partit Laburista, igiddeb l-akkużi li David Casa għamel fil-konfront tal-Prim Ministru dwar ir-rwol tal-Partit Laburista fil-ħatra ta' Tonio Borg għall-Kummisjoni Ewropeja. Infatti fil-filmat, Tonio Borg stess, u Simon Busuttil stess, li dak iż-żmien kien għadu MPE jinstemgħu ifaħħru l-appoġġ li ngħata lil Tonio Borg miż-żewġ partiti.

Tonio Borg u Simon Busuttil jgħidu l-oppost ta' dak li qal David Casa

Aktar kmieni llum, dan is-sit irrapporta dwar il-kummenti li għamel David Casa fil-konfront tal-Prim Ministri Joseph Muscat, wara l-isqarrija li l-PM għamel ilbieraħ filgħaxija fuq programm televiżiv. 

David Casa qal li “Huwa fatt magħruf issa li l-Prim Ministru għandu relazzjoni laxka ħafna mall-verità, iżda l-affermazzjoni illi b’xi mod huwa kien ġab l-appoġġ tas-Soċjalisti għan-nomina ta’ Tonio Borg għall-Kummisjoni Ewropeja, hija gidba faħxija”

Dan qalu bħala reazzjoni wara li lbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr fuq il-programm Dissett li hu kellhu rwol fil-ħatra tan-nomina ta’ Tonio Borg għall-Kummisjoni Ewropeja.

Bħala kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fi ħdan il-Parlament Ewropew, Casa ħareġ stqarrija fejn fiha huwa qal li l-Partit Laburista prova jfixkel il-kandidatura ta’ Borg b’kull mod li seta'. Infatti, żied jikteb Casa, il-pożizzjoni uffiċjali tas-Soċjalisti kienet li jivvotaw kontra Tonio Borg, bħalma fil-fatt għamlu l-maġġoranza tagħhom.

“Tonio Borg ġie approvat għall-kariga għax kien kapaċi juri integrità u kompetenza,” stqarr Casa, li żied jgħid li dan seħħ minkejja l-manuvri kontrih minn naħa tal-Partit Laburista.

Casa temm jgħid li hija wkoll gidba li l-Partit Popolari Ewropew biss għandu problema bl-iskandlu tal-Panama Papers ta’ Muscat. Huwa qal li “Leo Brincat ma kienx aċċettat minn numru ta’ MEP minn kull naħa, inkluż numru ta’ Soċjalisti stess, minħabba l-konnessjoni mal-iskandlu tal-Panama Papers, li qed jagħmel ħsara bla qies għar-reputazzjoni ta’ Malta”

More in Politika