Joseph Muscat: 'Aħna rridu nkomplu naħsbu għal rasna' fejn tidħol l-immigrazzjoni'

‘Il-problema dwar kif għandu jinqasam il-piż tal-immigranti għadha hemmhekk’

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li preżentament jinsab fi Brussell għal Summit tal-Kunsill Ewropew qal li dwar l-immigrazzjoni, huwa sodisfatt kif id-diskussjonijiet mexjin ’il quddiem f’dak li għandhom x’jaqsmu pjanijiet biex jiġu mgħejuna pajjiżi Afrikani u huwa sodisfatt b’dak li qalet Federica Mogherini speċjalment dwar in-Niġer li hu pajjiż li minnu mijiet ta’ eluf ta’ immigranti jgħaddu biex imbagħad imorru għal-Libja, u l-UE li qed tipprova tagħmel huwa li timmaniġġja, twaqqaf u tara kif tista’ tikkontrolla l-influss ta’ dawn in-nies biex ma jkunux qed imorru lejn il-Libja biex imbagħad jibqgħu sejrin fil-bqija tal-Ewropa.

Dwar il-qsim tar-responsabbiltajiet, Joseph Muscat saħaq li hemm bżonn li, "l-problema dwar nuqqas ta' qbil dwar kif għandu jinqasam il-piż għadha hemmhekk." Meta mistoqsi dwar kif hija importanti li tinqasam ir-responsabbiltà, il-Prim Ministru żied jgħid li "hemm bżonn li aħna nibqgħu naħsbu għal rasna."

Muscat kompla jsostni li hemm bżonn li pajjiżna jibqa' jieħu l-miżuri li hemm bżonn sabiex nipproteġu lil pajjiżna, insalvaw il-ħajjiet, nimxu b'mod uman, "imma allaħares noqogħdu nistennew lill-Unjoni Ewropea biex kulħadd jaqbel." Minkejja dan, Muscat kompla jisħaq li kien hemm passi 'l quddiem, imma għadhom mhumiex biżżejjed.

Fil-kummenti li ta, Muscat saħaq li kien hemm xettiċiżmu għall-mod ta' kif għandha tinfetaħ l-Unjoni fir-rigward ta' ħidma internazzjonali, u s-suq ħieles mal-bqija tad-dinja. Dan kien qed jgħidu b'referenza għall-ftehim li kien mistenni jintlaħaq qbil dwaru mal-Kanada, iżda ma wasalx qbil minħabba oppożizzjoni għal dan minn reġjun partikolari Belġjan, u dan skont Muscat, juri xi l-iżvantaġġi ta' kif taħdem l-UE, waqt li semma kif din tnaqqas mill-kredibbiltà internazzjonali. Minkejja dan, Muscat qal li kien hemm diskussjonijiet b’saħħithom dwar strateġija għas-Sirja u r-Russja.

Dwar Brexit, il-Prim Ministru Malti qal li ma setax ikun hemm diskussjonijiet f'dan ir-rigward, u sostna li l-PM Ingliż Theresa May għamlet dak li kien mistenni minnha u kkonfermat li se jkun qed jidħol fis-seħħ artiklu 50 sabiex tibda l-mixja tar-Renju Unit 'il barra mill-Unjoni Ewropea.

More in Politika