Il-Partit Laburista kien qed jagħti l-appoġġ kollu lis-Sindku tiegħu Conrad Borg Manche fil-battalja li għamel flimkien mal-Kamp Emerġenza Ambjent biex jerġa jinfetaħ l-aċċess għal Manoel Island. Dan stqarru Borg Manche stess f'kummenti mal-illum.com.mt li saħaq li huwa u l-kunsill tal-Gżira għandhoml-appoġġ totali tal-Partit Labusrista. Borg Manché stqarr li peress li l-MIDI qiegħda tikser il-liġi fir-rigward tal-konċessjoni ta’ Manoel Island, "hija ħaġa xierqa li l-PL, u anke l-Gvern huma favur id-dritt tar-residenti."
Is-Sindku żied jgħid ukoll b’sodisfazzjoni, li f’din il-kwestjoni, il-kunsilliera min-naħa taż-żewġ partiti qablu unanimament dwar l-azzjoni li kellha tittieħed kontra l-abbuż tal-MIDI, u fil-ġlieda biex dak li hu bi dritt tar-residenti tal-Gżira, jerġa’ jintradd lura lilhom.
Borg Manché spjega lil dan is-sit li r-raħal tal-Gżira jieħu ismu stess minn ‘Manoel Island’ u hija ħaġa ridikola li minn meta ngħatat il-konċessjoni ta’ Manoel Island lill-MIDI, l-istess gżira ma baqgħetx taqa’ taħt il-ġuristizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gżira. Infatti bħalissa, il-Kunsill qiegħed jagħmel appell sabiex iż-żoni pubbliċi u l-aċċess ta’ ‘Manoel Island’ jerġa’ jaqa’ taħt il-Kunsill.