L-ekonomija Maltija se tikber bi kważi 4%

L-Aġenzija Moody’s ibassru tkabbir ekonomiku robust għal pajjiżna

Il-Moody's tfaħħar it-tkabbir ekonomiku ta' Malta
Il-Moody's tfaħħar it-tkabbir ekonomiku ta' Malta

L-aġenzija Moody’s affermat mill-ġdid ir-rating A3 ta’ pajjiżna, u kkonfermat li l-aspettativi tagħha għal Malta baqgħu stabbli. Fir-rapport tagħha, Moody’s tinnota li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħitha, speċjalment fid-dawl ta’ livell għoli ta’ kompetittività. Barra minn hekk, l-esperti ta’ Moody’s irrimarkaw kif ir-riformi strutturali li saru riċentement tejbu ħafna l-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna.

Wara li fl-2015 l-ekonomija Maltija qabżet sewwa l-aspettativi, l-aġenzija Moody’s xorta qed tistenna li fis-sentejn li ġejjin ser ikun hemm tkabbir robust ta’ madwar 3.7%. Dan it-tkabbir, ferm ogħla mill-medja Ewropea, ser ikun qed jirrefletti żieda oħra fid-domanda domestika, xprunata minn titjib fil-qasam tax-xogħol. Skont Moody’s, it-titjib fil-qasam tax-xogħol huwa frott ta’ progress li sar permezz ta’ riformi strutturali li wasslu għal żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tan-nisa.

Barra minn hekk l-esperti ta’ Moody’s faħħru l-progress li sar biex tonqos id-dipendenza fuq iż-żejt fil-ġenerazzjoni tal-enerġija f’pajjiżna.

Il-Moody’s tgħid li, grazzi għat-tnaqqis fid-deficit fiskali u t-tkabbir ekonomiku qawwi, sal-2017 l-piż tad-dejn nazzjonali ser jonqos taħt is-60% tal-ġid nazzjonali. Dan ikun ifisser li, f’leġislatura waħdatkun ġiet imnaqqsa ż-żieda kollha fil-piż tad-dejn nazzjonali li seħħet fit-tlett leġislaturi preċedenti meħudha flimkien. L-esperti faħħru wkoll l-introduzzjoni tal-Fiscal Responsibility Act li tejbet ħafna l-governanza fiskali ta’ pajjiżna.

Dan huwa ċertifikat pożittiv ieħor minn Moody’s tal-ekonomija b’saħħitha li għandha Malta. L-esperti internazzjonali wrew fiduċja fil-pjani tal-Gvern li jkompli jnaqqas il-piż tad-dejn nazzjonali, jgħolli l-potenzjal ta’ pajjiżna permezz ta’ riformi strutturali u jnaqqas id-dipendenza tas-settur tal-enerġija fuq iż-żejt. Din il-fiduċja mistennija tattira aktar interess fost investituri barranin u twassal għal titjib akbar fl-ekonomija tagħna.

More in Politika