Amnestija ta’ sentejn fuq illegalitajiet minuri fl-ippjanar

Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri tħabbar skema ġdida tal-ippjanar le se tippermetti r-regolarizzar ta' illegalitajiet fil-propjetà

Tiġi mnedija skema ta' amnestija fuq irregolaritajiet fl-ippjanar
Tiġi mnedija skema ta' amnestija fuq irregolaritajiet fl-ippjanar

L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat regolamenti ġodda li jipprovdu ‘opportunità unika’ lis-sidien ta’ proprjetà biex jirregolarizzaw żviluppi mhux sanzjonabbli u konformi, li jinsabu fil-konfini tal-iżvilupp eżistenti. Permezz tal-introduzzjoni ta' dan il-proċess temporanju ġdid ta’ regolarizzazzjoni, sidien ta' djar fost l-oħrajn, li l-proprjetà għandha żviluppi illegali, li f'xi każijiet jmorru lura għal bosta snin, se jkunu f'pożizzjoni aħjar biex ibiegħu jew jiksbu self mill-bank għall-proprjetà tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri faħħret din l-iskema bħala “opportunità unika.”

Bid-differenza minn skemi oħrajn li ħarġu fi snin ta’ qabel, li offrew biss konċessjonijiet, din l-iskema l-ġdida issa se toffri permessi għall-bini kompluti.

L-Awtorità tal-Ippjanar tikkunsidra biss regolarizzazzjoni ta’ żvilupp illegali eżistenti, jekk il-bini jew struttura ma tirriżultax li tkun ta’ detriment lill-ambjent tal-madwar u jekk l-użu tal-iżvilupp huwa konformi mal-policies u r-regolamenti tal-ippjanar kurrenti. Dawn ir-regolamenti se jkunu eliġibbli biss għal żviluppi irregolari li jidhru fir-ritratti tal-Awtorità, meħudha mill-ajru fl-2016. Għaldaqstant, kull estensjoni jew żieda lil hinn minn dawn ir-ritratti ma jistgħux jiġu regolarizzati.

Kull applikazzjoni ser tkun soġġetta għal ħlas, ikkalkolat fuq it-total tal-ispazju msaqqaf ta’ kull sular tal-proprjetà li se tiġi rregolarizzata. Se jkun hemm ħlas addizzjonali ta’ 25% fuq l-applikazzjonijiet li se jiġu sottomessi wara l-iskandenza ta’ sentejn, iżda qabel ma jgħaddu tliet snin mid-dħul ta’ dawn ir-regolamenti. L-applikanti ser ikunu obbligati wkoll iħallsu tariffa amministrattiva ta’ minimu ta' €50.

L-applikazzjonijiet li huma relatati ma' każijiet li diġà koperti minn konċessjoni ta’ Kategorija B, awtomatikament se jiksbu tnaqqis mill-ħlas li huma kienu ħallsu lill-Awtorità meta kienu japplikaw għall-konċessjoni fis-snin preċedenti. Barra minn hekk, 90% tal-flus mħallsa se jkunu rifonduti lura lill-applikant f’każ li l-applikazzjoni tiġi rifjutata mill-Awtorità.

Meta l-Awtorità tal-Ippjanar tirċievi applikazzjoni dwar sit li fuqu ikun hemm avviż ta' infurzar li għadu fis-seħħ, l-Awtorità ser tissalvagwardja l-interessi tal-partijiet terzi kollha li kienu ppreżentaw l-ilment formali li fuqu kien inħareġ l-avviż. F'dawn il-każijiet, l-Awtorità se tkun qiegħda tinforma dawk l-istess partijiet terzjarji bl-applikazzjoni ta’ regolarizzazzjoni sottomessa, fejn se jingħataw l-għażla li f’perjodu ta' 15 –il ġurnata, huma għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità jekk għandhomx jiġu kkunsidrati bħala registered interested parties. Dawn ir-registered interested parties awtomatikament se jkollhom id-dritt li jappellaw d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar quddiem it-Tribunal.

Waqt konferenza stampa, Deborah Schembri saħqet li din l-iskema se jibbeneifikaw minnha ħafna nies, minħabba li persentaġġ kbir tal-bini f’Malta, għandu xi forma ta’ illegalità fl-ippjanar.

“Ħafna nies ma jkunux jistgħu ibiegħu xi propjetà, minħabba li l-banek ma joffrux self fuq propjetà li jkolla imqar xi illegalità minima,” qalet Schembri li kompliet tispjega li minn din l-iskema se jgawdu koppji li qed jissperaw biex ikunu jistgħu ibiegħu l-propjetà aktar malajr u bi prezz tajjeb, kif ukoll min minħabba ċirkostanzi ta’ mard jew diżgrazzji familjari, jkollhu bżonn ibiegħ daru, almenu jkun jista’ jiġbor prezz aħjar.

Schembri temmet tgħid li “idejalment, nikkunsidraw l-illegalitajiet kollha bħala ħżiena, iżda rridu nkunu realistiċi. Il-problema tant hi kbira, li kieku jkollhom jitwaqqgħu l-illegalitajiet kollha, lanqas jibqa’ jintgħaraf il-pajjiż.”

L-Awtorità, mal-ħruġ ta' permess, xorta waħda se żżomm id-dritt li timponi kundizzjonijiet li jidhrilha li huma meħtieġa, inkluż, iżda mhux limitat, l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet speċifiċi mwettqa fiż-żmien stipulat ta' sentejn.

F’każ li l-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati, l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda.L-avviż legali, flimkien mal-lista tat-tariffi jinsabu disponibbli fuq il-websajt tal-Awtorita’  www.pa.org.mt.

More in Politika