'M'għadx fadlilna fiduċja fil-management kurrenti tal-AirMalta'

Dan stqarritu L-Airline Pilots Association (ALPA) waqt li ddeplorat bil-qawwa kollha it-tentattiv tal-Air Malta li tlibbes sarima lill-Piloti tal-linja nazzjonali

L-ALPA qegħda tiddikjara li m'għadx fadlilha fiduċja fil-management kurrenti tal-AirMalta
L-ALPA qegħda tiddikjara li m'għadx fadlilha fiduċja fil-management kurrenti tal-AirMalta

L-Airline Pilots Association (ALPA) qegħda tiddikjara li m'għadx fadlilha fiduċja fil-management kurrenti tal-AirMalta.

Dan minħabba li l-Airline Pilots Association (ALPA) qegħda tiddeplora bil-qawwa kollha it-tentattiv tal-Air Malta illi tlibbes sarima lill-Piloti li jaħdmu mal-linja nazzjonali ta' Malta.

Il-mandat ta' inibizzjoni preżentat fil-Qrati mill-Air Malta huwa theddida ċara fuq id-dritt ħieles tal-ħaddiema illi jingħaqdu f'unions u fuq id-dritt li l-ħaddiem jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu billi jieħu sehem f'azzjoni industrijali.

Dan id-dritt sagrosant huwa kkonfermat mhux biss mil-Liġi ta' Malta iżda wkoll mill-Ligi Internazzjonali, fejn il-ħaddiem għandu drittijiet li ma jista' jeħodomlu ħadd.

L-ALPA tiddeplora wkoll l-imġieba taċ-Chairperson tal-Airmalta, is-Sinjura Maria Micallef, li permezz ta' artiklu fuq gazzetta lokali, attakkat bla ħtieġa lill-Piloti. "Dak li tghid is-Sinjura Micallef fl-istess artiklu huwa malizzjuż u ma jirriflettix il-verità tal-fatti." stqarrew l-ALPA

Huma komplew jistqarru li "fuq kollox, huwa deplorevoli għall-aħħar li figuri u somom mhux veritiera dwar it-talbiet finanzjarji tal-ALPA, gew mgħoddija klandestinament lill-media u dan bi skop ċar li jdawwar l-opinjoni pubblika kontra l-Piloti tal-AirMalta."

"Il-Piloti tal-AirMalta huma magħrufa għall-istandard tax-xogħol tagħhom b'rekord ta' sigurtà li jitkellem wahdu." issostni l-ALPA

Fl-opinjoni tal-ALPA, l-istess difficli jingħad għar-rekord tal-Management tal-Air Malta li wara snin twal ta' deċiżjonijiet żbaljati, fosthom pagi tal-management li jmissu il-mijiet ta' eluf ta' ewro, wasslu lil linja tal-ajru Nazzjonali fl-istat prekarju li tinsab fih illum.

Fost dawn id-decizjoniet żbaljati, l-ALPA ssemmi biss it-tnaqqis fil-flotta li wassal għal tnaqqis immedjat fil-market share li kienet tokkupa l-AirMalta.

L-ALPA tiddikjara li jekk l-Air Malta verament temmen fit-trasparenza, hija għandha tippublika s-salarji tal-ogħla uffiċjali tagħha, sabiex il-pubbliku jkun f'pożizzjoni aħjar illi jiġġudika fuq il-fatti u mhux fuq il-qlajjiet.

Il-membri tal-ALPA jinsabu ddispjaċuti u mħassba bl-andament tan-negozjati li qed isiru mal-AirMalta u dan aktar u aktar wara li dokumenti kunfidenzjali bħal minuti tal-laqgħat, li lanqas biss ġew approvati mill-ALPA stess, saru pubbliċi, waqt li għadhom għaddejin it-trattativi.

L-ALPA tiddikjara illi l-membri tagħha m'humiex ser iċedu għall-pressjoni u t-theddid tal-AirMalta u għal dan il-għan ser ikunu qed jikkontestaw il-mandat ta' inibizzjoni fil-Qrati Maltin fit-22 ta' Lulju, 2016 u dan sabiex min irid ilibbes sarima lil ALPA jifhem illi f'pajjiz demokratiku dan mhux possibli.

More in Politika