‘Jien salib nilbes m’għonqi, mhux arma tal-PN’

“Bħala Arċisqof, la jiena partiġġjan u lanqas kif ried iġibni Bedingfield; sudditu tal-mexxej tal-Oppożizzjoni li minflok salib jilbes plakka tal-PN”

“Bħala Arċisqof la jiena partiġġjan u lanqas kif ried iġibni Bedingfield; sudditu tal-mexxej tal-Oppożizzjoni li minflok salib jilbes plakka tal-PN.”

L-Arċisqof Charles J. Scicluna sostna dan, waqt li żied jgħid li hu żgur mhux partiġġjan, għax ikun min ikun hemm fil-gvern, l-istess se jagħmel.

Mistoqsi waqt il-programm tar-radju ‘Għandi xi ngħid’, ta’ Andrew Azzopardi fuq Radju Malta, l-Arċisqof spjega li kellu kull dritt jagħmel kritika fuq id-dawl ta’ Kastilja u l-famuż riklam tal-Prim Ministru fil-kċina, “għax fl-aħħar mill-aħħar dawk flus il-poplu kienu.”

Scicluna kompla jgħid li, “ma nafx kemm ġie jiswa r-riklam tal-Prim Ministru, għax baqgħu qatt ma qalu kemm ġie. Il-poplu għandu d-dritt ikun jaf fejn qiegħdin jintefqu flusu.”

L-Arċisqof wera t-tħassib tiegħu fuq il-fatt li meta ġurnalist jitlob lill-Gvern biex jippublika kuntratt jew jitlob informazzjoni, din ma tingħatax. 

“Bħal fil-każ tal-infiq tal-Eurovosion,” saħaq Scicluna, “fejn il-PBS irrifjuta li jagħti informazzjoni, meta wara sirna nafu li kien hemm €80,000 minfuqin fuq kowt li ma ntużax. Dan inxtara bil-flus tal-poplu u jien għandi dritt inkun naf.”

Waqt l-istess programm tar-radju, Azzopardi talab l-opinjoni tal-Arċisqof dwar l-aktar kwistjoni taħraq fil-mument; il-ħrug tar-Renju Unit mill-UE.

Scicluna ammetta li kien ixxukjat bir-riżultat imma mhix daqstant sorpriż minħabba l-fatt li ż-żewġ naħat kienu l-ħin kollhu qrib ta’ xulxin fil-voti.

L-isqof jara r-riżultat bħala “xokk kbir għall-Ewropa, iżda xokk ikbar għar-Renju Unit, għaliex jekk fid-dawl ta’ dan, l-Iskozja terġa’ ssejjaħ referendum, u jiġri li jkun hemm separazzjoni bejn l-Iskozja, l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ fuq, ma tkunx biss l-Ewropa li tilfet biċċa, imma jispiċċa r-Renju Unit kif nafuh storikament.”

Scicluna jemmen li kienet il-biżgħa li wasslet lill-Brittanniċi biex jivvotaw għall-ħrug; biżgħa u nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi li nħolqot ukoll minħabba atti terroristici, li seħħew anke Londra stess.

“Il-politiċi Brittanniċi u anke dawk Ewropej iridu jirrealizzaw li hemm vena qawwija Ewro-xettika fejn in-nies mhux jafdaw aktar fi Brussell,” stqarr Scicluna.

Fis-sitwazzjoni preżenti tar-Renju Unit, l-Arċisqof tenna li jispera biss li issa l-ħajja tibqa’ għaddejja b’mod kalm u seren, tiġi aċċettata r-rieda tal-poplu u jimxu ’l quddiem fuq bażi ta’ valuri sodi.

Kwistjoni oħra kemxejn taħraq li ddominat il-media lokali f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet dik tal-morning after pill. Azzopardi staqsa lill-Arċisqof dwar il-fatt li hu u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech tkellmu fuqha bħala abortiva, mentri dan l-aħħar ħarġet stqarrija mingħand iċ-chairman tal-awtorità tal-mediċina li jgħid li l-morning after pill m’għandhiex x’taqsam mal-abort. 

Fid-dawl ta’ dan, Scicluna qal li “l-irwol tagħna bħala isqfijiet huwa dejjem li nistiednu l-bniedem jagħmel għażliet li jkunu ta’ benefiċċju għall-gid komuni.” Huwa kompla jgħid li “bħalma tgħid ix-xjenza, hemm tipi differenti ta’ morning after pill. Aħna għidna li fil-każijiet fejn il-morning after pill hija abortiva, irridu nagħmlu għażliet favur il-ħajja.” Scicluna spjega li, “jekk jingħad li hemm morning after pill li tipprevjeni li l-bajda tiltaqa’ mal-isperma, allura m’hemmx tnissil. Aħna ngħidu biss li m’għandekx tintervjeni biex toqtol jew tneħħi dak li sar wara t-tnissil. Allura jekk hemm xi ħaga li tintervjeni qabel it-tnissil, huwa differenti.”

Huwa kompla jtenni li “aħna dejjem għidna li l-ħajja tibda mat-tnissil, mhux mal-implantazzjoni. Jekk morning after pill tagħmel effett fuq iċ-ċelloli li diġà bdew jiffurmaw, li jfisser li diġà hemm uman jifforma, allura dan jgħodd bħala intervent fuq ħajja. Jekk tip ieħor ta’ morning after pill qed tintervjeni qabel it-tnissil, allura l-ġudizzju morali huwa differenti.”

Skont Scicluna id-direzzjoni tal-knisja hija ċara. “Ix-xjenza trid tagħti indikazzjoni ċara ta’ kif jaħdmu ċertu ingredjenti f’tipi differenti ta’ pilloli u mhux inkun jien nitlob bojkott ta’ tipi u ditti partikolari. Id-direzzjoni għandha tkun li tintalab informazzjoni mingħand tabib dwar kif taħdem il-pillola, qabel jew wara t-tnissil.”

“Aħna nistgħu nagħtu indikazzjoni imma l-għażla se tkun dejjem f’idejn l-individwu. Wieħed għandu d-dover jitlob informazzjoni imbagħad jagħmel għażliet skont il-valuri u l-moralitajiet tiegħu.”

L-Isqof temm jsostni li, “aħna qed ngħidu, agħżel il-ħajja.”

 

 

 

 

More in Politika