PN: 78,000 ħaddiem raw tnaqqis fil-paga

Il-PN jgħid li jrid ekonomija li tkun hemm għan-nies filwaqt li Moviment Graffiti jfakkar fil-ħlidiet tal-ħaddiem matul is-snin 

Waqt Konferenza bl-isem ‘Dinjità lill-Ħaddiem’, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem il-Kap tal-Partit Nazzjonalistra Simon Busuttil irrefera għal statistika lokali li turikif il-paga reali ta’ madwar 78,000 ħaddiem naqset fl-aħħar tliet snin. L-aktar ħaddiema li l-paga tagħhom tirrifletti dan it-tnaqqis huma dawk li jaħdmu fl-uffiċini, fil-fabbriki, fil-manifattura, kif ukoll fil-ħwienet.

Busuttil sostna li d-differenza bejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista hija ċara, “filwaqt li għall-Partit Laburista, l-importanti hu li jkun hemm ekonomija b’saħħitha, għall-Partit Nazzjonalista, l-importanti hu li l-ekonomija tkun hemm għan-nies.”

“Il-viżjoni tal-PN hi li l-ekonomija tkun għan-nies, u tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, waqt li fl-istess ħin, tiggarantixxi li l-ħaddiema jkollhom id-dinjità li jixirqilhom.” Intant Busuttil fakkar kif bħalissa l-PN għaddej minn proċess ta’ konsultazzjoni dwar id-dokument ‘Ekonomija għan-Nies’, u se jkun qed jispjega kif l-istess partit huwa Gvern alternattiv li kapaċi jiddiversifika l-ekonomija, joħloq niċeċ ġodda, u jkompli jinvesti fil-ħiliet tan-nies bl-edukazzjoni u t-taħriġ.

'L-1 ta' Mejju jfakkarna fil-ġlidiet tal-ħaddiem' 

L-Ewwel ta’ Mejju għandu jservi sabiex ifakkarna fil-ġlidiet għad-drittijiet bażiċi tal-ħaddiem li seħħew fil-passat u wkoll jinkoraġġina sabiex inkomplu dawn il-ġlidiet f’dinja fejn id-drittijiet tal-ħaddiem qegħdin taħt theddida kontinwa min-neoliberaliżmu.

 

 

 

Il-Moviment Graffitti jgħid: “L-Ewwel ta’ Mejju jfakkar l-irvellijiet ta’ Chicago fl-1886, fejn ħaddiema nqatlu ghaliex kienu qed jipprotestaw għal iktar drittijjiet u, b’mod partikolari, għal ġurnata tax-xogħol ta’ 8 siegħat. Fis-snin ta’ wara, l-ħaddiema rnexxilhom jakkwistaw ċerti drittijiet permezz ta’ ġlidiet qliel u iebsa. Iżda illum ħafna minn dawn id-drittijiet qed jitneħħew minn politika li qed issir għall-benifiċċju tal-interessi privati u l-elites ekonomiċi. Huwa biss permezz ta’ ġlieda komuni li tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ nies ta’ sess, nazzjonalità u sfond kulturali differenti li jista’ jkun hawn dinja bi tqassim iktar ġust ta’ riżorsi u poter.”

Il-Moviment Graffitti jgħid: “Malta wkoll rat l-intensifikazzjoni tal-politika neoliberali, għad-detriment tal-ħaddiem. F’dawn l-aħħar snin, kemm il-Partit Nazzjonalista u kemm dak Laburista qabdu t-triq tal-privatizzazzjoni f’kull settur, bl-aħħar privatizzazzjonijiet iseħħu fil-qasam tal-enerġija u s-saħħa. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna nies f’Malta huma ħżiena. Pagi baxxi, diskriminazzjoni u prekarjat huma komuni, u huma bosta l-każijiet fejn id-drittijiet bażiċi fuq ix-xogħol mogħtija mil-liġi m’humiex rispettati. Il-paga minima baqgħet estremament baxxa. Il-vaganzi għall-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, li ttieħdu lill-ħaddiem mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, baqgħu ma nagħtawx lura mill-amministrazzjoni Laburista, minkejja l-wegħdiet li kienu saru. Dan kollu juri l-urġenza li jkun hawn ġlieda fuq livell lokali għal iktar drittijiet tal-ħaddiem u għal sistema ekonomika iktar demokratika fejn il-ġid u l-poter tad-deċiżjonijiet ma jkunux ikkoncentrati f’idejn il-ftit.”

Il-Moviment Graffitti qed jorganizza attività sabiex jiċċelebra Jum il-Ħaddiem, nhar il-Ħadd l-1 ta’ Mejju ġewwa 67, Trid id-Dejqa, il-Belt Valletta. Din tibda fis-6 ta’ filgħaxija. Se jintwera il-film Salt of the Earth u se jkun hemm diskussjoni qasira dwar ir-relevanza u l-effettività tal-ġlidiet tal-ħaddiem, kemm fuq livell globali kif ukoll fuq dak lokali. Wara se jkun hemm serata ta’ mużika marbuta mal-ġlidiet tal-ħaddiem. 

More in Politika