Kliem iebes għan-nuqqas ta' soluzzjonijiet fis-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni

Bidla fid-Dublin Regulations, tifsira konkreta għal kliem sabiħ, u futur lill-immigranti f'pajjiżhom stess

Waqt l-intervent tagħha fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-Ewroparlamentari Marlene Mizzi kellha kliem iebes għan-nuqqas ta' appoġġ u n-nuqqas ta' soluzzjonijiet effettivi għall-kriżi attwali ta' emerġenza umanitarja dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni.

"Il-kriżi attwali wriet biċ-ċar li s-soluzzjonijiet eżistenti fuq livell Ewropew mhux jilhqu l-iskop taghhom u l-uniku mezz xieraq biex nimxu l' quddiem huwa permezz ta' soluzzjoni Ewropea komuni." Hekk sostniet l-Ewroparlamentari Mizzi bħala r-rapporteur għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar “Is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa għal approċċ Ewropew olistiku għall-migrazzjoni.”

Marlene Mizzi fl-intervent taghha għamlet ukoll referenza għall-opinjoni tagħha għan-nom tal-Kumitat PETI li kienet giet approvata b'maġġoranza kbira u li direttament għenet fil-konklużjonijiet tar-rapport strateġiku tal-Parlament Ewropew dwar il-Migrazzjoni, hekk kif dan ir-rapport preċedenti pprovda rakkomandazzjonijiet tattici lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif għandha tigi ttrattata l-kriżi tal-migrazzjoni b'mod konkret u effettiv.

Fid-diskors tagħha Marlene Mizzi sostniet: "Dan mhux il-waqt li noqgħodu lura. Irridu nġibu fi tmiemha d-Dublin Regulation attwali, li fil-forma preżenti tagħha hija kompletament inutli u minghajr funzjoni. Għandna bżonn sistema ċentrali għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet  u  l-iżvilupp ta' rotot għall-aċċess legali lejn l-UE , sabiex b'hekk ikollna kontrol aħjar tal-migranti li jkunu ġejjin fl-Ewropa. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas,  hemm bżonn li jiġu ndirizzati l-kawżi tal-migrazzjoni u naħdmu biex jingħata futur lil dawn in-nies fil-pajjiż tagħhom stess."

"Il-vuċi tal-Parlament Ewropew, permezz tal-adozzjoni ta' dan ir-rapport strateġiku, ser ipoġġi pressjoni politika meħtieġa fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex finalment taddotta u timbotta l' quddiem politika komprensiva Ewropea ghal-ażil u l-migrazzjoni," ziedet tghid l-Ewroparlamentari Mizzi.

 Bħala konklużjoni, MPE Mizzi fid-diskors tagħha qalet : "Huwa ovvju min-numru sostanzjali ta' petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini Ewropej li fil-mument l-krizi tal-migrazzjoni hija wahda mill-akbar preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej. Wasal iż-żmien li nuru liċ-ċittadini tagħna li t-tħassib tagħhom finalment ser jinstemgħa. Kliem sabiħ  bħal  fair sharing of responsibility, integrazzjoni u solidarjetà ma għandhom l-l-ebda effett sakemm ma jkunux appoġġjati minn azzjonijiet konkreti, viżibbli u effettivi."

More in Politika