Joseph lil Beppe: 'Trid tkun vera ipokrita'

Il-PM jgħid li l-isfida li jmiss tal-Gvern se tkun il-ġlieda kontra l-prekarjat u l-abbużi fil-qasam tal-impjiegi fit-turiżmu

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Meta kien qed jitkellem f’Ħad Dingli dalgħodu Joseph Muscat qal li  Beppe Fenech Adami  vera jrid jkun ipokrita biex mar jipprotesta kontra iż-Żonqor meta,skontu, kellu art li ddaħħlet fiż-żona ta’ żvilupp. Joseph Muscat fakkar li dan kellu art ODZ, bi ġnien kbir darba u nofs daqs Pjazza San Ġorġ. Kompla jgħid li meta "xi ħadd kien qed ipinġi l-linji ta’ żvilupp “kumbinazzjoni l-art ta’ Beppe ddaħħlet għall-iżvilupp”. Muscat fakkar kif fil-Għargħur kollu ħadd ma jista jibni iktar minn żewġ sulari “ħlief għal Beppe Fenech Adami”.

Muscat staqsa lil Busuttil x’qed jistenna biex ikeċċi lil Fenech Adami kif kien qal li jagħmel f’każ li jkollu dubji fuq wieħed minn dawk ta’ madwaru. 

Intant dwar l-aħħar ċifri ta' tkabbir ekonomiku ta' 6.3%, l-akbar fi snin twal, Muscat qal li dan huwa wieħed kruċjali biex b’hekk jibdew jiżdiedu l-pensjonijiet u kien  minħabba dan it-tkabbir li dan il-Gvern seta’ beda jgħin lill-familji u lin-negozji. “L-aqwa kejl ta’ ekonomija huwa x-xogħol” qal Muscat li fakkar kif bħalissa l-qgħad nieżel u f’livelli baxxi. “Ninsabu qrib biżżejjed biex ikollna xogħol għall-Maltin u għall-barranin” qal Muscat li tkellem ukoll iżda dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Muscat qal illi fiż-żmien li ġej il-Gvern se jiffoka fuq id-drittijiet tax-xogħol u xogħol b’dinjita’. Muscat għamel aċċenn partikolari fuq il-qasam tat-turiżmu, fosthom fil-lukandi u r-ristoranti, fejn huwa fatt  magħruf li hemm numru ta’ abbużi.

Il-gazzetta ILLUM stess ippublikat stejjer fil-passat riċenti dwar ħaddiema barranin, impurtati malta, mħallsin inqas mill-paga minima u ddikjarati self-employed.

F’dan il-punt Muscat ħabbar li se jkun qed jitla l-Ġordan u l-Libanu u stieden lil dawk kollha li jridu jinvestu biex jingħaqdu miegħu. “Kif l-Istati Uniti sejrin il-Kuba, aħna għandna mmorru madwar id-dinja biex nattiraw l-investiment” sostna Muscat. 

More in Politika