'36,000 vot huma seba’ siġġijiet fil-Parlament jew aktar' - Franco Debono

Qed isiru diversi laqgħat ikkoordinati minn grupp ta’ nies li matulhom, qed tkun diskussa, b’mod attiv ħafna, l-possibbiltà li jinħoloq partit ġdid li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss

Il-każ tal-Panama mhux biss qajjem furur u għolla t-temperatura politika mas-smewwiet, imma heżżeż il-klassi politika biżżejjed biex qed iqajjem kurrenti b’saħħithom favur il-ħolqien ta’ partit ġdid, li jista’ jkun  jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. F’ġimgħa waħda biss, diġà tkellmu fuq din il-linja ta’ ħsieb id-deputata indipendenti Marlene Farrugia, l-ekschairman tal-AD Michael Briguglio, Franco Debono issa ukoll Salvu Mallia, preżentatur popolari u opinjonista voċiferu fuq diversi programmi televiżivi, jgħid li beħsiebu jikkontesta l-elezzjoni li ġejja fuq l-ewwel u t-tnax-il distrett u jagħti indikazzjoni ċara li se jkun qed jaħdem biex fil-pajjiż tinħoloq forza politika ġdida lil hinn mill-PN u l-PL.

Kliem Mallia jiġi ġimgħa biss wara li s-sit illum.com.mt żvelat kif l-eksdeputata Laburista Marlene Farrugia ukoll għaddejja bi sforzi biex jinħoloq partit ġdid, li m’eskludietx li tmexxih hi u li spjegat kif għandu jkollu l-bażi u l-bidu tiegħu minn fost il-popolazzjoni tal-istudenti.

Intant l-ILLUM hija nfurmata li qed isiru diversi laqgħat ikkoordinati minn grupp ta’ nies li matulhom, qed tkun diskussa, b’mod attiv ħafna, l-possibbiltà li jinħoloq partit ġdid li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Din il-gazzetta hija infurmata wkoll li qed isiru laqgħat ma’ diversi nies, fosthom professjonisti, lekċerers u membri tas-soċjetà ċivili filwaqt li Farrugia nnifisha qed tagħmel kuntatt ma’ diversi persuni, fosthom ukoll ma’ Salvu Mallia. L-ILLUM huwa infurmat li l-imħuħ wara l-idea ta’ partit ġdid kellhom ukoll laqgħat maċ-chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola.

Franco Debono ‘36,000 vot biżżejjed għal partit mdaqqas’

Il-laqgħat qed isiru bil-għan li tkun diskussa l-possibbiltà li jinħoloq dan il-partit il-ġdid wara li jkun evalwat jekk hemmx impenn biżżejjed minn numru ta’ nies li jkunu lesti li jikkandidaw ruħhom għall-elezzjoni. Għal mistoqsija tal-ILLUM dwar jekk dan il-moviment jew forza hux se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss, Farrugia wieġbet li, “iċ-ċans huwa li iva, noħorġu għall-elezzjoni.”

Jidher li l-kwistjoni tal-Panama wasslet għal ċerta rabja fost sezzjoni mdaqqsa tal-poplu Malti b’diversi nies jistaqsu jekk jistgħux jivvutaw lill-PN wara biss ftit snin u jekk jistgħux jerġgħu jafdaw lill-Partit Laburista. Mal-ILLUM, Farrugia qalet li għalkemm għadu kmieni wisq biex ikun determinat fiċ-ċert jekk din il-forza politika hux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali, assigurat li l-ħidma qed issir biex jekk l-impenn li joħloq dan il-partit ikun kbir biżżejjed, jinbena momentum qawwi li jwassal sal-elezzjoni.

Intant aktar kmieni din il-ġimgħa kien l-eksdeputat Nazzjonalista Franco Debono li ħareġ għonqu għal Salvu Mallia fi blogg bl-isem, ‘Il-konsistenza ta’ Salvu Mallia u s-sitta u tletin elf.’ Fih Debono jgħid li Mallia huwa bniedem  konsistenti ma’ dak li dejjem emmen u dak li dejjem tkellem dwaru. Waqt li ppublika messaġġ li kien bagħatlu fuq Facebook lura f’Jannar 2013, Franco Debono qal li “jekk Salvu Mallia llum qed jilmenta, ma jfissirx li lbieraħ ma kellux raġun. Bil-maqlub. Ifisser li kellu raġun ilbieraħ u għandu raġun illum u aktar minn hekk, ifisser li huwa konsistenti. Huwa dak li qed jilmenta llum u ma lmentax ilbieraħ li mhux konsistenti.”

Iżda apparti d-difiża tiegħu għal Mallia, Debono poġġa argument li fih, b’mod sottili ħafna qed jindika li teżisti l-possibilità li jinħoloq partit ieħor. Huwa jagħlaq l-istes blogg b’dan il-kliem: “36,000 vot huma seba’ siġġijiet fil-Parlament jew aktar, u f’Parlament ta’ 70 siġġu, għandhom saħħa kbira ħafna li mhux biss jiddeċiedu min jiggverna, iżda hemm biżżejjed voti għal partit imdaqqas.”

‘Jeskludi li l-AD tingħaqad ma’ partit ikbar’

F’kummenti mal-ILLUM, Cassola jeskludi l-possibilità li l-Alternattiva tingħaqad ma’ partit ikbar għalkemm jgħid ukoll li kienu bosta dawk li wrew it-tħassib tagħhom mal-AD dwar l-aħħar żviluppi politiċi.

Mistoqsi jekk l-għajta tat-tielet partit hix waħda momentarja li tista’ tmut wara li tinżel it-temperatura politika, Cassola qal li huwa vera li l-mument qed jgħin biex iqum ferment, imma dawk li kellmuh dwar il-possibbiltà ta’ partit ġdid huma serji ħafna fl-intenzjonijiet tagħhom. “Il-Poplu ddejjaq issa, ‘people have had enough’,” qal Cassola, li kompla jsostni li n-nies iridu lil xi ħadd li m’għandux skeletri moħbijin.

Intant f’kummenti li ta’ lill-ġurnal The Times, il-Kunsillier tal-AD Michael Briguglio qal li “qatt daqs illum ma kien żmien tajjeb għal xi ħaġa ġdida u xi ħaġa ikbar.” Għalkemm ammetta li mhux neċessarjament kull min qed jitkellem dwar dan il-bżonn, fil-fatt ikun parti minn partit ieħor jekk jinħoloq, huwa jgħid li hemm eċitament mis-soċjetà ċivili biex jinħoloq dan il-moviment politiku ġdid, lil hinn miż-żewġ partiti l-kbar.

 

More in Politika