Malta testendi l-appoġġ lill-Albanija biex issir membru tal-UE

Iffirmat Memorandum ta’ Koperazzjoni bejn Malta u l-Albanija

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George W. Vella, illum kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Republika tal-Albanija, Ditmir Bushati. Waqt il-laqgħa ġie ffirmat Memorandum ta’ Koperazzjoni dwar il-Proċess ta’ Integrazzjoni għar-Republika tal-Albanija fl-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ dan il-Memorandum, Malta se tkun qed testendi l-appoġġ tagħha lill-Albanija għat-triq li qabdet biex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Il-Memorandum ta’ Koperazzjoni jagħti lok biex Malta tkun tista’ taqsam l-esperjenza tagħha bħala membru tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE u l-proċess ta’ adeżjoni.  Apparti minn hekk, Malta se tkun qed tiffoka wkoll fuq suġġetti relatati mat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

Din il-laqgħa saret matul iż-żjara li qiegħed jagħmel il-Ministru Vella, bħala parti miż-Żjara Statali fl-Albanija l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Albanija huma pożittivi ħafna. Tul is-snin, l-awtorijiet taż-żewġ pajjiżi ħadmu tajjeb ħafna flimkien f’diversi oqsma, u anki fil-kwistjoni tal-adozzjoni tat-tfal. Fost it-temi prinċipali li bħalissa għaddejja minnhom l-Albanija hemm il-migrazzjoni, is-sigurtà fil-Balkani, ir-riformi fil-ġudikatura, kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea.

Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha lill-aspirazzjonijiet tal-Albanija biex tissieħeb fl-UE, u hija wkoll lesta li tħares lejn possibilitajiet ta’ koperazzjoni ekonomika u skambji fil-qasam tal-kummerċ. Dawn huma kwistjonijiet li jinkorarraġixxu stabilità, paċi u prosperità fil-Mediterran u fir-reġjuni Balkani.

More in Politika