Il-Laburisti ‘mweġġgħin’ fil-mira ta’ ħidmet Mizzi

“Konna ilna ftit ma naraw daqshekk interess u nħossu li sa fl-aħħar l-affarijiet bdew jiċċaqalqu fil-partit.” - Delegat tal-PL

Minkejja li teknikament għad fadallu biex jiġi elett fil-kariga l-ILLUM huwa infurmat illi Mizzi diġà beda jaħdem biex iqajjem il-kumitati tal-Partit Laburista fl-irħula u jindirizza l-ilmenti tal-laburisti. Din il-gazzetta għandha informazzjoni minn numru ta’ persuni fi ħdan il-PL illi Mizzi diġà qed jidentifika nies li se jkunu qed jagħmlu kuntatt ma’ votanti Laburisti, speċjalment dawk li dejjem ivvutaw lill-istess partit, u li tbiegħdu mill-partit f’dawn l-aħħar snin.

 

L-ILLUM tkellem ma’ diversi Delegati tal-Partit Laburista. Wieħed partikolari qalilna li ħa pjaċir li sa fl-aħħar xi ħadd mill-partit kien qed ikellimhom. “Konna ilna ftit ma naraw daqshekk interess u nħossu li sa fl-aħħar l-affarijiet bdew jiċċaqalqu fil-partit.” 

Apparti minn hekk, Mizzi għandu fil-mira tiegħu li l-PL jkollu manifest ‘rebbieħ’ li jkun lest, kemm jista’ jkun malajr.

Mizzi diġà beda jdur il-Kumitati u jiltaqa’ mad-delegati u jkellimhom personalment. 

 

Fil-laqgħat Mizzi qed jgħid lid-delegati Laburisti li hu biħsiebu jisma’ lill-‘grassroots’ u jisma’ l-ilmenti tagħhom.  L-ILLUM hija infurmata li minn dak li qed jasal lil Mizzi f’dawn l-ewwel ġranet qabel ikun fil-kariga hemm ilmenti tad-delegati li jiċċentraw mar-rabja tagħhom għall-fatt li l-Ministri nsew lin-nies u li l-Gvern ippremja nies li kienu ħaġa waħda mal-Partit Nazzjonalista. Jidher li minkejja ż-żmien li għadda isem Lou Bondi għadu jissemma’ ripetutament. Huwa fatt li ħafna Laburisti kienu mweġġgħin ħafna, spjegalna Delegat ieħor tal-PL, għall-fatt li bosta Laburisti kienu injorati u ħaddieħor “li għamel 15-il sena isawwat lill-PL fuq il-mezzi tax-xandir kien ippremjat.”

Delegat ieħor li ltaqa ma’ Mizzi spjega kif dan qallu li hu kien biħsiebu jħares sew lejn l-operat tal-media tal-Partit kif ukoll lejn ir-relazzjoni tal-Partit Laburista mal-għaqdiet mis-soċjetà ċivili.

 

Hija ċara li Mizzi għandu l-barka ta’ Muscat u din kienet ċara wkoll ma’ dawk li kienu interessati fil-kariga.  Tant hu hekk li minkejja li kien hemm persuni u politiċi, fosthom ministri oħrajn li kienu interessati, dawn kienu jafu li ma kellhomx ċans kieku ħarġu għall-kariga.

More in Politika