'Malta hi inqas korrotta' skont indiċi internazzjonali

Malta ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-lista tal-pajjiżi l-inqas korrotti

Malta ġiet fl-20 post fost it-28 pajjiż tal-UE
Malta ġiet fl-20 post fost it-28 pajjiż tal-UE

Malta sabet postha fis-37 post fil-lista tal-pajjiżi l-inqas korrotti fid-dinja, il-'Corruption Perceptions Index', li ħareġ iktar kmieni din il-ġimgħa mill-organizazzjoni 'Transparency International'. Dan ifisser li Malta tejbet il-pożizzjoni tagħha hekk kif imqabbel mal-indiċi maħruġa s-sena li għaddiet meta kienet kisbet 55 punt, u dan imqabbel mas-56 punt li nkisbu din is-sena. Minkejja dan, din is-sena kien hemm inqas pajjiżi jipparteċipaw f'dawn l-indiċi, b'167 pajjiż din is-sena mqabbel mal-175 tas-sena li għaddiet.

B'dan ir-riżultat, Malta qasmet is-37 post mal-Korea t'Isfel u r-Repubblika Ċeka. Meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, Malta kklassifikat fl-20 post minn 28. Fl-ogħla postijiet kien hemm il-pajjiżi nordiċi bid-Danimarka, l-Finlandja u l-Iżvezja li kisbu l-ewwel tliet postijiet. Minkejja dan, Transparency International sostniet li għalkemm dawn il-pajjiżi jidhru li huma 'nodfa' mill-korruzzjoni, mhux neċessarjament ikun il-każ b'daqshekk ċertezza minħabba li wħud minnhom ikunu qed 'jesportaw' il-korruzzjoni f'pajjiżi oħra, bħal fil-każ tal-Iżvezja u l-kumpanija parzjalment Żvediża, TeliaSonera li hi akkużata li allegatament ħallset miljuni ta' dollari biex tassigura negozju fl-Użbekistan, li huwa pajjiż li spiċċa fil-153 post tal-lista.

L-iktar pajjiżi li spiċċaw fil-qiegħ ta' din il-lista u allura klassifikati bħala l-iktar korrotti, huma l-Korea ta' Fuq u s-Sudan.

More in Politika