It-'terapija ta' konverżjoni' fuq persuni gay taf issir offiża kriminali

"Dawn it-tip ta' terapiji jweġġgħu lin-nies u huma ksur tad-drittijiet tal-bniedem" - Helena Dalli
 

Il-Ministru Helena Dalli
Il-Ministru Helena Dalli

Il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-kunsill konsultattiv tal-gvern għad-drittijiet LGBT+ intalab biex ifassal proposta għal abbozz sabiex permezz tagħha it-"terapija ta' konverżjoni" tkun ikkriminilizzata.

"Dawn it-tip ta' terapiji jweġġgħu lin-nies u huma ksur tad-drittijiet tal-bniedem," qalet Dalli sessjoni ta' Gvern li Jisma'. "In-nies għandhom jitħallew jgħixu kif twieldu, fejn ħafna pajjiżi tal-Punent qed jindunaw kemm jagħmlu ħsara dawn it-terapiji ta' konverżjoni."

Aktar kmieni din il-ġimgħa kien hawn Tom Brown, evanġelist u fundatur tal-knisja Word of Life f'Texas, l-Istati Uniti. Hu kien mistieden speċjali tar-River of Love f'Malta. F'intervista li ta mat-Times of Malta, huwa fil-fatt saħaq kemm hu favur it-terapija ta' konverżjoni, fejn argumenta li l-omosesswalità huwa dnub.

Dalli faħħret il-liġi tal-Identità tal-Ġens li għaddiet aktar kmieni din is-sena, fejn qalet li hemm pajjiżi, fosthom il-Belġju li qed iħarsu lejn Malta bħala mudell għal-liġijiet tagħhom. "Il-liġi tagħna tagħti lin-nies id-dinjità biex legalment jirrikonoxxu l-ġens tagħhom skont dak li jidentifikaw miegħu, mingħajr ma tisfurzahom li jgħaddu minn interventi mediċi." temmet tgħid.

More in Politika