Żvelat kif Castaldi Paris kien imexxi l-Kunsill

Ir-riżenja ta’ Ian Castaldi Paris

Ian Castaldi Paris
Ian Castaldi Paris

Għalkemm Ian Castaldi Paris attribwixxa r-riżenja mill-Kunsill ta’ Ħal Lija għax ma kienx qed ikun stmat mill-partit Nazzjonalista, din il-gazzetta tinsab infurmata li hemm bosta kontroversji dwar kif Castaldi Paris kien imexxi l-Kunsill ta’ Ħal Lija.

Dokumentazzjoni mqiegħda fuq il-mejda tal-kamra tad-deputati fis-seduta tat-23 ta’ Ġunju 2014 mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali turi n-nuqqas ta’ interess li s-Sindku Castaldi Paris kellu lejn il-parteċipazzjoni tal-lokalità tiegħu fil-laqgħat tar-Reġjun taċ-Ċentru. 

Mill-informazzjoni mressqa jidher li minn Mejju sa Diċembru 2012, Castaldi Paris attenda seduta waħda biss. 

Irreżenja għax ma kienx stmat mill-PN

Wara li r-riżenja mill-Partit Nazzjonalista, Castaldi Paris bagħat ukoll ittra tar-riżenja lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija li fiha spjega li ma baqagħlux skop li jżomm il-kariga wara li fi kliemu ma kienx qed jiġi stmat mill-partit.

Bejn Jannar u Diċembru 2013 attenda erba’ seduti filwaqt li minn Jannar sa Mejju 2014 ma attenda l-ebda seduta. B’hekk, minn total ta’ 25 seduta Castaldi Paris attenda biss ħamsa.

Informazzjoni oħra meħudha mill-istess dokument li ressaq il-Ministru Owen Bonnici turi x-xogħlijiet li jitwettqu mill-ħaddiema manwali fi ħdan il-kunsilli, inkluż l-istess kunsill li kien imexxi Castaldi Paris. 

Din il-gazzetta tista’ tiżvela li l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill f’forma ta’ lista msejħa Task List tal-ħaddiema tal-IPSL, tħallew barra xogħlijiet li l-istess ħaddiema għamlu speċifikament għal Castaldi Paris innifsu u li ma tniżżlux f’din il-lista.

Fost ix-xogħlijiet li twettqu mill-ħaddiema tal-Kunsill għal Castaldi Paris insibu li fis-27 ta’ Novembru 2013 dawn il-ħaddiema ntalbu jmorru jiġbru lil Castaldi Paris mill-Belt meta ma kienx fuq xogħol tal-Kunsill. Fit-28 ta’ Novembru 2013 il-ħaddiema wasslu lil Castaldi Paris il-Belt u tas-Sliema meta wkoll ma kienx fuq xogħol tal-Kunsill. 

Fid-29 ta’ Novembru 2013 il-ħaddiema ntalbu jmorru d-dar tas-Sindku biex jiġbrulu l-bagalja u jeħduhielu l-uffiċċju filwaqt li fit-2 ta’ Diċembru l-ħaddiema ġew mitluba jwasslu lil Castaldi Paris tas-Sliema. 

L-ebda minn dawn l-erba’ każijiet ma kienu mniżżla fil-lista tax-xogħlijiet li ġiet ippreżentata fil-parlament iżda din il-gazzetta għandha f’idejha kopji tad-dokumentazzjoni li juru li dawn seħħew.

Każ ieħor li seħħ taħt it-tmexxija ta’ Castaldi Paris hu l-ingaġġ ta’ skrivana part-time li tiġi t-tifla tas-Segretarju Eżekuttiv. Din l-iskrivana kienet ingaġġata fuq bażi part-time biex taħdem is-Sibtijiet filgħodu minħabba li ż-żewġ segretarji l-oħra ma ridux jaħdmu s-Sibtijiet. 

Jirriżulta li meta waħda mill-iskrivani full-time ħarġet tqila, it-tifla tas-Segretarju Eżekuttiv qalbet full-time u dan mingħajr l-approvazzjoni Ministerjali għalkemm it-talba mill-Kunsill biex l-impjegat fuq bażi part-time issir full-time, saret fit-28 ta’ Frar 2011. 

Jidher iżda li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija qaleb lill-impjegata minn bażi part-time għal full-time, b’mod li ngaġġaha bħala t-tielet impjegat full-time tal-Kunsill, mingħajr l-approvazzjoni Ministerjali li kellu jistenna qabel ma jipproċedi.

Fi tweġiba oħra tal-Ministru Owen Bonnici għall-mistoqsija parlamentari Numru 6867, Bonnici qal li s-Sindku Castaldi Paris sostna li kollox sar kif suppost f’dan ir-rigward u li kienet ir-responsabbiltà tas-Segretarju ta’ dak iż-żmien li jsegwi proċedura tal-liġi u jagħmel follow up. Eventwalment is-Segretarju Eżekuttiv kien irriżenja mill-kariga tiegħu. 

Każ ieħor jirrigwardja żewġ zebra crossings li kienu saru jumejn qabel l-elezzjoni tal-2013. Dawn iż-zebra crossings kienu saru fi Triq Sant’Andrija u fi Triq il-Forn. 

Is-Sindku Castaldi Paris dejjem ċaħad li l-Kunsill ordna li jsiru żewġ zebra crossings ġewwa Ħal Lija tant li fi tweġiba oħra parlamentari, il-Ministru Bonnici qal li kien jinsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija li ż-żewġ zebra crossings fi Triq Sant’Andrija u fi Triq il-Forn ma kinux diskussi u wisq anqas ordnati li jsiru mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija. Fil-fatt il-Kunsill qatt ma rċieva l-ebda kont għal dawn ix-xogħlijiet.

Minn informazzjoni li għandha din il-gazzetta jidher li lanqas Transport Malta ma ħarġet permessi biex isiru dawn iż-zebra crossings u lanqas jafu min għamilhom.

Għalkemm ippruvajna diversi drabi nagħmlu kuntatt ma’ Castaldi Paris biex nieħdu l-kummeti tiegħu, it-telefonati u l-email li bgħatnielu baqgħu mhux imwieġba.

More in Politika