“Sovranità, referendum u daqshekk Ewro”

Wara t-twaqqif tal-partit ewroxettiku ‘Alleanza Bidla’

“Qatt ma nistgħu nieħdu r-ruħ jekk ma jkollnix il-munita tagħna”
“Qatt ma nistgħu nieħdu r-ruħ jekk ma jkollnix il-munita tagħna”

Ir-referendum dwar sħubija mal-Unjoni Ewropea fl-2004 jidher li ħalla element ewroxettiku jikber matul is-snin, tant li waslet biex għall-ewwel darba wara għaxar snin ta’ sħubija, issa twaqqaf partit ewroxettiku.

L-Erbgħa li għadda, Alleanza Bidla preżentat żewġ kandidati, fosthom  Ivan Grech Mintoff. Kif jimplika kunjomu, għandu parentela mill-Perit Duminku Mintoff u kif jgħid hu stess, igawdi mill-appoġġ ta’ dawk li jikkunsidraw lilhom infushom bħala Mintoffjani.
“Jien għandi l-istess twemmin tal-Perit. Nassigurak li jien u oħrajn qatt ma tlaqna minn dawn il-prinċipji f’dawn l-aħħar tnax-il sena, minkejja li dak iż-żmien konna ftit u b’ħafna bsaten fir-roti,” tkun ir-risposta ta’ Grech Mintoff, meta mistoqsi dwar jekk jistenniex li kunjomu jtih ftit vantaġġ.
Huwa forsi għalhekk li l-Alleanza Bidla tirrifletti x-xettiċiżmu li Dom Mintoff kellu mill-Unjoni Ewropea u l-isħubija ta’ Malta.
Matul l-intervista li Grech Mintoff ta lil dan il-ġurnal, fil-fatt isemmi diversi drabi l-ħtieġa “li niksbu s-sovranità lura” u jattakka ripetutament il-kunċett tal-Unjoni Ewropea bħala stat federali.
Ispirat minn nuqqas ta’ azzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni, hu jipproponi li l-immigranti irregolari għandhom jitħallew ikomplu bil-vjaġġ tagħhom lejn pajjiżi Ewropej, minflok jiddaħħlu u jitħallew hawn Malta.
Affaċċjat mir-realtà li dan imur kontra r-regolamenti ta’ Dublin, hu sostna li dan hu l-unika mod kif problema tal-Mediterran tista’ tiġi problema Ewropea.
“Ma nistgħu nagħmlu xejn biex inżommu milli jseħħu aktar imwiet għax irridu nżommu mal-liġijiet federali Ewropej, u ma’ regoli li fallew milli jitrattaw u jsolvu din il-kwistjoni. Konvinti li jekk dawk imsejħin immigranti illegali jitħallew sejrin fi triqithom sakemm huma siguri, finalment din issir kwistjoni Ewropea u ma tibqax biss ta’ Malta.”
Hu jżid jgħid li ż-żewġ partiti l-kbar qatt ma jistgħu jsolvu din il-problema għax huma t-tnejn jappartjenu għal partiti Ewropej li jemmnu f’Ewropa federali.
“Il-problema hi li l-Unjoni Ewropea mhix tapplika l-prinċipju federalista tal-burden sharing. Qed titfa’ lil dawn l-imsejkna fuq Malta u tinsa x’piż qed jintefa’ fuqna. Għandna Unjoni Ewropea li fejn trid tkun federali u fejn trid tħalli lil Malta waħidha,” jargumenta Grech Mintoff.
Bla ebda tlaqliq stqarr li t-triq ’il quddiem hi li l-elettorat jerġa’ jpoġġi u jiddeċiedi jekk iridx li Malta toħroġ mill-Unjoni Ewropea, wara li jkun negozjat ftehim ġdid li jieħu post dak ta’ Liżbona.
Imma mhux biss, għax vot għal Alleanza Bidla jidher li se jkun ukoll vot biex Malta toħroġ miż-żona Ewro, bi Grech Mintoff isostni li “qatt ma nistgħu nieħdu r-ruħ jekk ma jkollnix il-munita tagħna.”
Jgħid li biżżejjed tara d-differenza ta’ kif sejrin pajjiżi fiż-żona ewro u oħrajn bħar-Renju Unit li żammew il-munita tagħhom.
“Malajr tinduna li l-ewro fir-realtà hi waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn qegħdin fejn qegħdin. Iżda rridu s-sovranità f’idejna qabel ma nistgħu nibdew nirranġaw din is-sitwazzjoni gravi li qegħdin fiha.”
Filwaqt li jirrikonoxxi li hija diffiċli immens li jkun elett, hu jgħid li fl-istess ħin fiduċjuż minħabba li l-element ewroxettiku qed ikompli jikber fil-popolarità.
“M’hemmx dubju li aħna ż-żgħir, David, kontra ż-żewġ Gulija, kbar, u b’saħħithom. Fl-istess nifs, m’aħniex qalbna maqtugħa għax għalkemm żgħar u l-piż huwa tqil, għandna ċertu vantaġġi ċari wkoll fosthom li Malta issa ilha 10 snin fl-UE. Il-votant allura issa għandu fatti konkreti fejn wieħed jista’ jara u jmiss b’idejh l-effetti ta’ federaliżmu fallut.”
In-neputi ta’ Mintoff jissokta jgħid li l-elettorat irid isaqsi jekk jinsabx aħjar jew agħar wara għaxar snin sħubija.
Fakkar kif din l-elezzjoni mhijiex ta’ partit kontra ieħor iżda biss biex itella’ rappreżentanza Maltija ġol-Parlament Ewropew.
“Għaldaqstant, jekk wieħed sempliċiment jastjeni se jkun qed jgħaddi messaġġ li mdejjaq bil-partiti politiċi imma fl-istess ħin se jibqa’ fejn hu,” temm jappella Grech Mintoff.

More in Politika