Busuttil iwiegħed bidliet radikali fil-PN

F'intervista fuq Radju RTK, Simon Busuttil qal li hu determinat li jagħmel tibdiliet radikali li l-PN ftit li xejn ra fl-istorja tiegħu.

Simon Busuttil
Simon Busuttil

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-partit se jagħmel riformi kbar biex fl-elezzjoni ġenerali li ġejja jkun f’pożizzjoni li jikkonvinċi lill-elettorat li tassew inbidel.
Hu sostna li t-tibdiliet u r-riformi meħtieġa ġa bdew isiru matul is-sena li għaddiet u wħud minnhom ġa ħallew il-frott.
“Matul is-sena li għaddiet iffukajt l-aktar fuq il-pedamenti. Bir-raġun kollu, wara t-telfa tal-elezzjoni li għaddiet in-Nazzjonalisti staqsew fejn hi d-dar li bnejt, iżda fakkarthom li jkun inutli jkollok dar mhux mibnija fuq sisien sodi,” spjega l-Kap Nazzjonalista.
Eżempju ieħor li Busuttil semma’ kien meta qabbel ruħu ma’ student li qed jipprepara għall-eżami taċ-ĊES.
“Kont qisni student li qed nipprepara għall-O’ Level iżda kont affaċjat bl-eżami meta kont għadni qas lestejt 20% tal-kors. Ħassejtni frustrat li ma kelliex biżżejjed żmien biex il-ħidma tiegħi tħalli l-frott,” żied jgħid Busuttil.
Konxju li f’sena kienet kważi impossibli li jegħleb defiċit ta’ 36 elf vot, Busuttil qal li l-għan realistiku kien li jintrebaħ it-tielet siġġu. Qal kif eventwalment dan wasal u ddeskriva din il-kisba bħala “spunt ta’ tama”.
Il-Kap Nazzjonalista ammetta li saru xi żbalji matul il-kampanja elettorali, fosthom il-famuż album tal-istickers, iżda rrifjuta l-kritika li l-PN kien negattiv wisq.
“Konna l-ewwel oppożizzjoni li vvutajna favur in-nomina ta’ president min-naħa tal-gvern. Ippreżentajna diversi proposti għal liġijiet ġodda, xi ħaġa li Joseph Muscat qatt m’ għamel fil-ħames snin li għamel fl-oppożizzjoni. Dan juri li aħna konna oppożizzjoni kostruttiva u propożittiva,” tenna Busuttil.
Hu żied jgħid li min-naħa l-oħra kien il-Partit Laburista li adotta kampanja negattiva u xandar spots televiżivi b’attakki personali fuq Busuttil li kienu libellużi.
Il-Kap Nazzjonalista qal li wara r-riżultat kien għaddielu minn moħħu li jirreżenja iżda li din kienet l-eħfef ħaġa li seta’ jagħmel.
Waqt l-intervista Busuttil ħabbar ukoll li ħatar lil David Casa biex iservi bħala kap tad-delegazzjoni nazzjonalista fil-Parlament Ewropew. Dan minkejja li Roberta Metsola kisbet iżjed minn 12-il elf vot aktar minnu.

 

More in Politika