Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Is-16-il edizzjoni tad-Delicata Classic Wine Festival; Vetrina Għall-Inbejjed Maltin

Erbat ijiem ta' festa tal-inbid fil-ġonna tal-Barrakka ta' Fuq

Staff Reporter / 24 ta' Lulju 2017 10:29
Il-‘wine coins’ ser ikunu l-munita li permezz tagħhom dawk li jżuru id-Delicata Classic Wine Festival jistgħu jduqu inbid Malti tal-ifjen kwalità. L-erba’ serati li matulhom hu mifrux il-festival mistennija li jkunu isbaħ minn qatt qabel b’għażla tajba ferm ta’ inbejjed, ikel u mużika.

Organizzat minn Emmanuel Delicata Winemaker, l-ikbar avveniment tal-inbid tas-sena f'Malta issa wasal bis-16-il edizzjoni konsekuttiva tiegħu. Bħal dejjem, dan l-avveniment iseħħ fuq erbat iljieli fil-ġonna tal-Barrakka ta' Fuq fil-Belt Valletta. Id-dati huma mill-Ħamis 10 sal-Ħadd 13 ta 'Awwissu 2017, kull filgħaxija mis-7 pm sa nofsillejl.

Id-Delicata Classic Wine Festival jipprovdi varjetà festiva f’iljieli sajfin b’atmosfera pjaċevoli u rilassanti, inbejjed fini, mużika u ospitalità mill-aqwa.

B'kollox hemm iktar minn 20 tip ta’ inbid differenti x’wieħed jista’ jduq. Minn bankarelli mifruxa madwar il-ġnien se jkunu servuti nbejjed minn disa’ vintages ta’ Delicata li rebħu bosta unuri.

Fost dawn hemm il-Frizzante, inbejjed semi-sparkling magħmulin mid-dwieli indiġeni Girgentina u Ġellewża, għażla ta' inbejjed boutique bojod, ħomor u rosé  DOK Malta Medina u DOK Gozo Victoria Heights, kif ukoll l-inbejjed emblematiċi bħal Gran Cavalier u l-Grand Vin de Hauteville, li hu l-iktar inbid Malti li kiseb rikonoxximenti internazzjonalment.

Minbarra l-inbid ħelu Dolcino u l-inbejjed esklussivi Maltese Falcon, wieħed ser jsib il-Casella Moscato, u varjetajiet ta’ inbid mill-Classic Collection u Pjazza Reġina.

Biex wieħed iduq l-inbejjed, kulma jrid jagħmel hu li, fid-daħla tal-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, jixtri borża li fiha jkun hemm 24 munita (wine coins) kif ukoll tazza ċelebrattiva għal prezz ta’ €15.  Dawn il-muniti mbagħad jissarfu fil-bankarelli differenti fejn stewards iferrgħu l-inbid fit-tazza ċelebrattiva tal-festival.

Bħala parti mill-impenn tal-winery li tħaddan prattiċi sostenibbli tal-vitikultura, Delicata qed tipprovdi muniti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Dan peress li huma magħmulin minn materjal ibbażat fuq il-lamtu (starch) meħud mill-qoxra tal-patata u li jekk dan jitħalla espost għall-elementi naturali, jiddegrada ruħu kompletament mill-ġdid fil-ħamrija.

Inbejjed differenti għandhom valur monetarju differenti: it-tariffa tvarja minn sitt muniti għal tazza inbid tal-ifjen għażla u tliet muniti għal inbejjed oħra ta' kwalità. Il-muniti jkunu validi biex jissarrfu matul lejl wieħed biss, inkella jistgħu jinżammu bħala tifkira.

Waqt il-festival se jkun hemm għażla vasta ta’ ikel Malti, kif ukoll ikel internazzjonali li jolqot il-gosti ta’ kulħadd. Platti favoriti ta’ ikel Malti se jkunu ippreparati mill-Maypole, filwaqt li l-ikel Indjan se jkun servut minn Gate of India. Asian House se jippreparaw ikel orjentali. Barra minn hekk se jkun hemm varjeta ta’ platters tal-ġobon u salumeri ppreparati minn Catermax kif ukoll deżerti differenti.

Mireille Bonello se tippreżenta l-ispettaklu. Kull filgħaxija se jkun hemm mużika live, bl-ewwel show il-Ħamis minn WaterWings u Red Electrick, filwaqt li l-Ġimgħa se jdoqqu The Busker u Spiteri Lucas Band. Planet Seed u The Crowns se jdoqqu s-Sibt filwaqt li l-Ħadd se jieħdu sehem Cash & Band u The Travellers, li ser jagħlqu l-Festival.

Dawk li għandhom Delicata Privilege Card se jkollhom il-vantaġġ li jibbukkjaw online minn qabel fuq il-website ta’ Delicata.

Id-dħul għad-Delicata Classic Wine Festival hu mingħajr ħlas. Strettament l-ebda inbid m’hu se jingħata li x’ħadd taħt is-17-il sena, filwaqt li l-viżitaturi huma mfakkra biex igawdu l-festival b’mod responsabbli. Il-bejgħ tat-tazzi u boroż bil-muniti jieqaf fil-11.00pm, biex nofs siegħa wara jitferrgħu l-aħħar inbejjed, u l-Festival jagħlaq f’nofs il-lejl.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit www.delicata.com.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook