Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Emirates se tniedi servizz ta’ kuljum lejn Newark minn Ateni

Ir-rotta l-ġdida tfisser titjira diretta s-sena kollha bejn l-Istati Uniti u l-Greċja

24 ta' Jannar 2017 09:31
Emirates se tniedi servizz ta’ kuljum minn Dubaj lejn Newark Liberty International Airport, New York, b’waqfa f’ Ateni, il-belt kapitali tal-Greċja, mit-12 ta’ Marzu 2017.

Ir-rotta l-ġdida tikkumplimenta l-erba’ titjiriet li diġa’ toffri l-Emirates bejn Dubaj u l-ajruport ta’ JFK f’New York. Bl-introduzzjoni ta’ din it-titjira Emirates qed toffri lill-vjaġġaturi globali aċċess konvenjenti ieħor lejn il-belt popolari ta’ New York.

It-titjira l-ġdida Dubaj-Ateni-Newark ser tkun qed tipprovdi wkoll titjira diretta kuljum bejn l-Istati Uniti u l-Greċja. Il-linja tal-ajru se topera ajruplan tat-tip wide-body Boeing 777-300ER imħaddem b’magni General Electric GE90. L-ajruplan joffri konfigurazzjoni ta’ 8 postijiet fl-Ewwel Klassi, 42 post fil-Klassi tan-Negozju u 304 post fil-Klassi tal-Ekonomija. Barra minn hekk, l-ajruplan iġorr 19 il-tunnellata ta’ merkanzija. 

Sir Tim Clark, il-President ta’ Emirates Airline, qal: “Il-Gvern Grieg u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni avviċinaw lill-Emirates xi żmien ilu biex nikkunsidraw li noffru rotta bejn Ateni u New York. Wara konsiderazzjoni bir-reqqa, Emirates ikkonkludiet li l-estensjoni ta’ waħda mit-titjiriet tagħna bejn Dubaj u Ateni lejn Newark hi viabbli b’mod kummerċjali u operattiv.  Kuntenti li qed nilqgħu għall-bżonnijiet tal-klijenti li kienu minsija minn linji tal-ajru oħra u nixtiequ nirringrazzjaw lill-awtoritajiet u lill-imsieħba tagħna fl-Istati Uniti u l-Greċja għall-appoġġ tagħhom fit-twaqqif ta’ din ir-rotta l-ġdida.”

Sir Tim żied jgħid: “Id-disponibbiltà ta’ servizzi tal-ajru ta’ kuljum ta’ kwalità għolja hi essenzjali għall-iżvilupp tan-negozju u għar-rabtiet kulturali. Il-kummerċ, speċjalment f’prodotti ta’ valur għoli u b’data ta’ skadenza qasira, se jkun faċilitat permezz tal-kapaċita’ miżjuda ta’ ġarr ta’ merkanzija tal-ajruplan tal-Emirates Boeing 777. Qed nantiċipaw li t-turiżmu wkoll jingħata spinta ’l quddiem bid-disponibbiltà ta’ titjiriet ta’ kuljum s-sena kollha.”

Elena Kountoura, il-Ministru tat-Turiżmu tar-Repubblika Ellenika qalet: “Fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni eċċellenti, konformi mal-għan komuni għat-tkabbir tat-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll mal-espanzjoni lejn swieq fil-bogħod, nirringrazzja lill-Emirates talli kkunsidrat b’mod pożittiv it-talba tagħna biex tniedi titjira li tgħaqqad lil Dubaj ma’ New York permezz ta’ Ateni, tul is-sena kollha. Din l-għażla strateġika tappoġġja b’mod sinifikanti l-isforzi li l-Ministeru għat-Turiżmu qed jagħmel biex ittejjeb iż-żieda dejjem tikber ta’ viżitaturi mill-Istati Uniti lejn Greċja u lejn l-Emirati Għarab Magħquda fuq bażi annwali. Dawn jinkludu turisti fuq btala u anki viżitaturi fuq negozju.”

Endy Zemenides, Direttur Eżekuttiv tal-Hellenic American Leadership Council qal: “Il-komunità Griega-Amerikana ilha ħafna tantiċipa t-twaqqif mill-ġdid ta’ titjiriet diretti bejn il-Greċja u l-Istati Uniti matul is-sena kollha. Dan il-mument issa wasal permezz ta’ Emirates, waħda mill-aqwa linji tal-ajru fid-dinja, u hu tassew speċjali għalina. L-irkuprar tal-ekonomija Griega għandu jinkludi t- turiżmu u l-kummerċ is-sena kollha. Ir-rotta l-ġdida ta’ Emirates ser tagħmel dan possibbli. Il-komunità Griega-Amerikana qed tilqa’ din l-aħbar u nirringrazzjaw lill-Emirates Airline talli għamlet  din ir-rotta u qed tiffaċilita l-vjaġġi lejn Greċja.”

L-Istati Uniti u l-Greċja għandhom relazzjoni ekonomika u alleanza ta’ sigurtà nazzjonali li tmur lura fiż-żmien. Għal għexieren ta’ snin, l-Istati Uniti ħaddnet politika li tippromwovi u trawwem tkabbir ekonomiku u aktar opportunitajiet għall-investiment tal-Istati Uniti fil-Greċja. L-Istati Uniti għandha l-ikbar komunità ta’ migranti Griegi fid-dinja, b’ċifri li jlaħħqu mal-1.3 miljun. Iż-żona metropolitana ta’ New York City għandha l-ikbar komunità ta’ Griegi Amerikani fil-pajjiż. 

Minbarra li qed isservi l-popolazzjoni kbira ta’ Griegi Amerikani f’New York, id-disponibbiltà ta’ titjira lejn Dubaj b’waqfa waħda bl-istess ajruplan hi soluzzjoni alternattiva għal min ikun qed jivvjaġġa lejn l-Lvant Nofsani, il-Punent tal-Asja u l-Afrika.

 

Servizz ta’ klassi dinjija mir-rebbieħ ta’ Skytrax “World’s Best Airline 2016”

Emirates topera waħda mill-iktar flotot moderni fid-dinja. Il-medja tal-flotta hi ta’ 61 xahar biss, meta mqabbel mal-medja tal-industrija ta’ 140 xahar. L-ajruplan tal-Emirates Boeing 777-300ER, li se jopera fuq ir-rotta Dubaj-Ateni-Newark, joffri livelli għolja ta’ kumditajiet u servizzi mill-aqwa fis-suites privati tal-Ewwel Klassi, lie-flat seats fil-Klassi tan-Negozju, u kabini spazjuzi u komdi fil-Klassi tal-Ekonomija.

Il-passiġġieri fil-klassijiet kollha tal-kabini jistgħu jgawdu mis-servizz tal-ekwipaġġ internazzjonali tal-Emirates, ikel ippreparat minn gourmet chefs, u ’l fuq minn 2,500 stazzjon ta’ divertiment li jinkludu films, programmi tat-TV, u mużika fost oħrajn permezz tas-sistema ice.

Tagħrif dwar it-titjira u konnessjonijiet lejn in-network globli ta’ Emirates

It-titjira tal-Emirates EK209 se titlaq minn Dubaj fil-10:50 ħin lokali, tasal Ateni fis-14:25 qabel ma’ titlaq mill-ġdid fil-16:40 u tasal f’Newark fl-22:00 fl-istess ġurnata. It-titjira tar-ritorn, EK210,  titlaq minn Newark f’23:45 ħin lokali u tasal Ateni l-għada fit-15:05. EK210 titlaq mill-ġdid minn Ateni fil-17:10 lejn Dubaj fejn tasal f’23:50, biex tiffaċilita l-konnessjoni lejn iktar minn 50 destinazzjoni tal-Emirates fl-Indja, l-Lvant Imbiegħed u l-Awstralja.

Emirates topera titjira kuljum bejn Malta u Dubaj. Mill-1 ta’ Frar, Emirates se tkun qed tintroduċi mill-ġdid waqfa qasira f’Larnaka, Ċipru, fis-servizz ta’ kuljum bejn Dubaj u Malta, permezz tal-arjuplan Boeing 777-300ER. Bħalissa, Emirates qed toffri lill-klijenti offerta speċjali għall-Klassi tal-Ekonomija bi prezzijiet li jibdew minn €143 għal kull peruna li tivvjaġġa sal-31 ta’ Diċembru 2017. Il-biljetti jridu jinxtraw sat-28 ta’ Frar 2017.

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jżur is-sit www.emirates.com. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook