Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

HSBC Malta jappoġġja lill-Women Directors Malta

11 ta' Novembru 2016 09:41
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Andrew Beane, il-President ta’ Women Directors Malta Michelle Gialanze, iċ-Chairman ta’ HSBC Malta Sonny Portelli, membru tal-kumitat WDM Maria Cassar u l-HR Project Maniġer ta’ HSBC Malta Loredana Mallia waqt l-iffirmar tal-ftehim
Il-Bank HSBC Malta hu l-ewwel organizzazzjoni fil-pajjiż li qed joffri l-appoġġ tiegħu lill-Women Directors Malta (WDM) biex jgħin lil din l-organizzazzjoni volontarja ġdida tilħaq l-għan tagħha li ttejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell ta’ bord tad-diretturi f’Malta.

WDM twaqqfet biex tgħin lin-nisa jagħmlu konnessjonijiet tajbin u jilħqu l-livell ta’ bord fi ħdan l-istess organizzazzjoni li jaħdmu fiha, jew jiksbu rwol mhux eżekuttiv fil-bord jew rwoli oħra fil-bord f’setturi oħra. L-organizzazzjoni, li taħdem mingħajr profitt, tfittex li trawwem għarfien u aċċettazzjoni tal-impatt b’saħħtu li n-nisa jistgħu joffru fl-ogħla livelli.

Iċ-Chairman ta’ HSBC Malta Sonny Portelli, il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane u l-President ta’ WDM Michelle Gianlanze’ ffirmaw ftehim, fejn il-Bank ser ikun qed jiffinanzja għadd ta’ kampanji ta’ għarfien u attivitajiet organizzati minn WDM.

Iċ-Chairman ta’ HSBC Malta Sonny Portelli qal: “HSBC qed jimpenja ruħu li jippromwovi titjib fid-diversità tal-ġeneri fil-livell ta’ bord f’Malta Bħala waħda mill-kumpanniji ewlenin ikkwotati fil-Borża ta’ Malta, ninsabu kburin li diġa’ għandna ħames nisa b’talent li qed iservu bħala diretturi fil-grupp tagħna. Nawgura li jkun hemm  iktar kollegi nisa fil-futur.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “L-isħubija tagħna ma’ Women Directors Malta tifforma parti minn impenn fuq skala ikbar biex niddiversifikaw u nrawmu kultura ta’ inklużjoni fin-negozju tagħna. Nemmen li d-diversità fil-ħsieb kapaċi twassal għal deċiżjonijiet aħjar, u determinat li nattira u niżviluppa firxa wiesa’ ta’ kollegi b’mod meritokratiku fil-karrieri tagħhom.” 

Skont Michelle Gialanze’, għadd ta’ studji jissuġġerixxu li kumpaniji li għandhom numru ikbar ta’ nisa fl-ogħla livelli jiksbu prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha. 

 “WDM b’mod konsistenti saħqet li nisa minn kull sfond għandhom ikollhom opportunità u aċċess ugwali biex jilħqu pożizzjoni fil-livell ta’ bord. Fi kliem ieħor, il-ħolqien ta’ ‘a level playing field’. Il-ħatriet tal-bord għandhom isiru skont il-ħtiġijiet kummerċjali, ħiliet u abbiltà. L-organizzazzjoni temmen ukoll li hemm argumenti ċari tan-negozju biex jinħatru nisa fil-livell ta’ bord,” qalet Michelle Gialanze’.

WDM twaqqfet fl-2015 u torganizza laqgħat regolari biex twassal il-messaġġ tagħha. WDM dalwaqt ser tkun qed tniedi charter quality mark li jirrikonoxxi u jippremja organizzazzjonijiet li jipprovdu diversità fil-bordijiet. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook