Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Pittura medjevali restawrata bl-appoġġ ta’ Banif Bank

Din il-pittura titqies bħala waħda mill-aqwa teżori ta' Malta

Staff Reporter / 28 ta' Mejju 2015 09:00
Waħda mill-pannelli li qed ikunu restawrati
Dan l-aħħar tneda proġett estensiv ta’ restawr fuq pittura antika u imprezzabbli minn Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), bl-appoġġ ta’ Banif Bank.  Erba’ pannelli li jafu l-bidu tagħhom fi żminijiet medjevali ntlemħu mill-FAA fil-Kunvent Agostinjan fir-Rabat. Waqt żjara fil-kunvent l-FAA ħass li dawn il-pannelli għandhom ikunu restawrati b’urġenza.

Din il-pittura li titpoġġa fuq l-artal titqies bħala waħda mill-aqwa teżori ta’ Malta bil-mertu tal-kwalità fina tax-xogħol, f’pajjiż fejn ma tantx hawn arti mill-perjodu medjevali. L-erba’ pannelli bit-teknika tat-tempera fuq l-injam, li kienu jiffurmaw parti minn polittiku li juri lill-Verġni tal-Grazzji wisq probabbli qabel kien jifforma parti minn ħames pannelli li kienu jgawdu minn ħafna devozzjoni, u li għal ħafna snin kienet l-ankona prinċipali tal-artal fil-knisja Agostinjana l-ġdida ta’ San Mark l-Evanġelista. Il-preżenza ta’ San Pawl u San Wistin jindikaw li din l-arti fuq l-altar kienet kummisjoni għall-Knisja Agostinjana Maltija.

Dawn il-pannelli li rnexxielhom jibqgħu fostna, u li probabbli kienu jifformaw parti minn poliptiku akbar, juru lil Santu Wistin, San Pawl, San Mark u l-Madonna u t-tfajjel Ġesù fuq il-pannella ċentrali, ġew impittra fuq l-injam fil-bidu tas-seklu ħmistax minn artist Taljan jew Sqalli. Ix-xogħol fih stil dekorattiv, li juri l-qaddisin fuq sfond tad-deheb. Dan ix-xogħol jista’ jitqabbel ma’ triptiku ta’ Santa Maria, San Benedittu u San Kalogeru fil-Knisja monasterjali ta’ Santa Maria Latina f’Agira, ikkummissjonata fl-1430 fi Sqallija.

Sfortunatament, il-pannelli jinstabu fi stat ħażin ta’ konservazzjoni u l-involviment f’waqtu tal-FAA se jgħin biex dawn il-pannelli ma jibqgħux jiddeterjoraw. Il-proġett hu mmexxi minn Erika Falzon, konservatriċi-restawratriċi kwalifikata li studjat f’Pariġi, Ruma, Firenze u Valenzja, flimkien ma’ grupp professjonali magħmul minn storiku tal-arti, xjentisti konservazzjonisti u speċjalisti tal-injam.

Bħalissa għaddejjin testijiet dijanjostiċi fuq il-pannelli, u r-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet se jikkonfermaw l-ammont ta’ ħidma neċessarja. Ir-restawr hu mistenni jieħu madwar tliet snin.

Il-Kumitat Eżekuttiv ta’ Banif Bank żar il-kunvent fejn ammiraw l-isbuħija tal-panelli u raw il-progress fuq ix-xogħol. F’dawn l-aħħar erba’ snin il-Bank kien involut f’numru ta’ proġetti ta’ restawr ta’ żmien ir-rinaxximent, fl-impenn tiegħu lejn l-istorja u l-wirt kulturali Malti. F’dan il-proġett il-Bank jingħaqad mal-Farsons Foundation u Hilltop Gardens, li flimkien jiffurmaw ‘konsorzju’ ta’ sponsors biex din il-konservazzjoni tittwettaq.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook