Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Arkadia bl-aħjar prattiċi fuq il-post tax-xogħol

Arkadia Marketing Ltd tirbaħ l-unuri fil-Business Leaders Malta Employee Research Award

Staff Reporter / 11 ta' Mejju 2015 09:53
Arkadia Marketing Ltd rebħet l-unuri fil-Business Leaders Malta Employee Research Award fil-kategorija ta’ organizzazzjonijiet li jimpjegaw ‘il fuq minn 150 impjegat.

L-Arkadia ġiet l-ewwel minħabba l-aħjar prattiċi li tħaddan fuq il-post tax-xogħol kif ukoll għad-dinamika b’saħħitha bejn min iħaddem u l-impjegati.

L-Arkadia Marketing Ltd tħaddem 388 persuna, li 194 minnhom jaħdmu f’Għawdex. Parti mill-Mizzi Organisation, l-Arkadia bdiet bil-ftuħ taċ-ċentru kummerċjali fil-Rabat, Għawdex, fl-1998. Tul is-snin, il-kumpanija żiedet il-portofoll tagħha permezz tal-foodstore f’Portomaso, 2 Arkadia FoodExpress convenience stores, wieħed f’ Paceville u l-ieħor li fetaħ riċentement fis-Swatar, u tmien ditti għall-ħwejjeġ tan-nisa, rġiel u tfal u aċċessorji: Peacocks, Parfois, Orsay, Suite Blanco, Tape a’ l’Oeil, Piazza Italia, On Top u Pimkie.  L-Arkadia topera wkoll ċentru tal-loġistika fix-Xewkija, Għawdex.

L-Arkadia se tkun responsabbli wkoll mir-riġenerazzjoni tas-Suq tal-Belt – proġett ta’ €7 miljun li se jagħti ħajja ġdida lil dan il-post mitluq, b’diversi bankarelli tal-ikel, postijiet fejn tiekol, kif ukoll lounge area.

“Ninsabu onorati li l-istrateġiji għall-immaniġġjar tar-riżorsi umani tagħna ġew irrikonoxxuti minn dan l-eżerċizzju indipendenti u li għandu reputazzjoni tajba fejn jidħol il-kejl ta’ organizzazzjoni u r-riżorsi umani tagħha,” qalet l-HR Manager tal-Arkadia Marketing Ltd Shirley Grixti. “Aħna dejjem għamilna stħarriġ fil-kumpanija stess biex naraw il-livell ta’ kemm l-impjegati jħossuhom parti mill-kumpanija u kemm huma sodisfatti fuq il-post tax-xogħol. Din kienet l-ewwel sena li ddeċidejna li l-istħarriġ isir minn kumpanija indipendenti biex l-impjegati jħossuhom iktar anonimi fit-tweġibiet tagħhom.

Ninsabu kuntenti li r-riżultati juru li qegħdin fit-triq it-tajba u se nibqgħu naħdmu biex intejjbu fuq dak li diġà ksibna mal-impjegati tagħna.”

Għall-Employee Research Study, kull kumpanija li tipparteċipa tkun mistiedna twieġeb stħarriġ maħsub biex jeżamina s-suċċessi u n-nuqqasijiet tal-istrateġiji għall-immaniġġjar tar-riżorsi umani. L-impjegati jkejjlu lil min jimpjeghom għall-istil tat-tmexxija, il-komunikazzjoni u t-teamwork, it-taħriġ u l-opportunitajiet għall-iżvilupp fil-karriera, ir-rikonoxximent ta’ xogħolhom, il-kultura tal-organizzazzjoni, il-performance u l-kumdita’ li jgawdu l-impjegati.

Din is-sena, kien hemm 16-il kumpanija maqsuma fi tliet kategoriji skont id-daqs tagħhom. Dik l-organizzazzjoni li ġġib l-ogħla punti fil-kategorija tagħha tiġi rrikonoxxuta billi tingħata unur.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook