MTA ser tonfoq €1 miljun riklami ta’ Visit Malta fuq il-flokk tat-tim nazzjonali tal-football

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qalet li l-għan ta’ dan l-investiment hu li ‘tissaħħaħ ix-xena tal-Futbol lokali u turiżmu sportiv'

€1 miljun ser jingħataw lil MFA biex tippromovi Visit Malta
€1 miljun ser jingħataw lil MFA biex tippromovi Visit Malta

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ser tonfoq €1 miljun fuq medda ta’ erba’ snin permezz ta’ ftehim ta’ sħubija mal-Malta Football Association (MFA) biex tippromwovi t-turiżmu sportiv u ssaħħaħ ix-xena tal-futbol lokali.

Dan l-investiment jimmarka stadju importanti fl-isforzi kollaborattivi bejn l-MTA u l-MFA, immirati biex jisfruttaw il-futbol bħala mezz biex tittejjeb il-viżibbiltà globali ta’ Malta u tattira turisti madwar id-dinja.

L-MTA qalet li dan il-ftheim se jenfasizza d-dedikazzjoni ta’ Visit Malta biex tissaħħaħ il-viżibbiltà globali ta’ Malta u tattira turisti minn madwar id-dinja. Bħala parti mis-sħubija estiża, Visit Malta se tkompli r-rwol tagħha bħala sieħeb uffiċjali tal-MFA, bir-riklami li ser jidhru b’mod prominenti fuq diversi timijiet nazzjonali, inkluż it-Timijiet Nazzjonali ta’ Malta, Timijiet Nazzjonali ta’ Taħt id-19 u l-21, kif ukoll it-Tim Nazzjonali tan-Nisa u t-Tim Nazzjonali tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo esprima l-importanza ta’ investimenti strateġiċi fl-infrastruttura tat-turiżmu sportiv. Huwa stqarr, "Il-kontribuzzjoni annwali ta' Visit Malta ta' €250,000 se tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħna ta' reklamar barra minn Malta, billi tissaħħaħ il-popolarità tal-futbol u tat-tim nazzjonali ta' Malta." Il-Ministru Bartolo tenna l-impenn tal-gvern biex jappoġġja l-futbol Malti u jiżgura s-suċċess kontinwu tiegħu.

Minn naħa tiegħu Carlo Micallef, CEO tal-MTA, enfasizza r-rwol ċentrali tat-turiżmu sportiv fix-xenarju turistiku ta’ Malta. Huwa enfasizza n-natura kollaborattiva tas-sħubija mal-MFA, u sostna, “L-estensjoni ta’ din is-sħubija tfisser l-impenn konġunt tagħna biex nisfruttaw il-qawwa tat-turiżmu sportiv u l-promozzjoni ta’ Malta permezz tal-isport.”

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo esprima ferħ għall-kollaborazzjoni estiża, u stqarr, “Aħna kuntenti ħafna b’din il-kollaborazzjoni estiża; dan huwa l-għan aħħari tagħna, dak li jkollna l-pajjiż kollu warajna, jappoġġjana u nikkontribwixxu bis-sħiħ għall-kburija nazzjonali tagħna.”

More in Kronaka