RTK 103 se jitlob lill-Qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-xandir

RTK 103 se jitlob reviżjoni ġudizzjarja fil-Qorti tad-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li permezz tagħha ġiet imposta multa ta’ €6,410 fuq l-istazzjon

(Ritratt: MaltaToday)
(Ritratt: MaltaToday)

RTK 103 u Andrew Azzopardi se jieħdu passi legali sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li timmulta lill-preżentatur u lill-istazzjon, wara li l-preżentatur iddeskriva lill-mexxej tal-lemin estrem Norman Lowell bħala razzist. 

Permezz ta' stqarrija, RTK 103 sostniet li t-terminu ‘razzist’ użat minn Andrew Azzopardi kienet ibbażata fuq provi li jinkludu sentenza tal-Qorti tal-Appell (Pulizija vs Norman Lowell) li sabet lis-Sur Lowell ħati li inċita mibegħda razzjali u ġie kkundannat sentenza ta’ 15-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin.  

Reċentement, f’sentenza oħra tal-Qorti (Norman Lowell vs Saviour Balzan, Kurt Sansone, Matthew Vella), il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li kull qarrej jista’ joħroġ ir-razziżmu, ix-xenofobija u l-mibegħda mill-messaġġi politiċi tas-Sur Lowell. 

Saħansitra f’intervista rekordjata, is-Sur Lowell stess jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ‘ratialist’ – li fi kwalunkwe dizzjunarju d-definizzjoni tagħha hi razzist. Għaldaqstant, it-terminu ‘razzist’ intuża fuq il-bażi ta’ evidenza ċara. RTK 103 isostni li, għalhekk, dan kien ġudizzju ġust ibbażat fuq fatti. 

L-istqarrija tkompli tgħid kif huwa fatt magħruf ukoll li l-Awtorità tax-Xandir stess, f’aktar minn okkażjoni waħda, immultat lill-istazzjonijiet tat-televixin wara li s-Sur Lowell deher fil-programmi tagħhom, iżda fil-każ ta’ RTK 103 insistiet li għandu jingħata ħin ta’ xandir fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi. 

Sadattant, il-“ksur potenzjali” ikkwotat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità kien fuq xenarju ipotetiku li ma seħħx, u li ġie ppreżentat lill-istess Kap Eżekuttiv waqt li kienet qed tiġi intervistata fuq ir-radju u fejn kellha l-libertà kollha li tispjega. 

RTK103 qalet kif huwa dubjuż ukoll kif fl-akkuża tagħha, l-Awtorità kienet selettiva meta kkwotat lil Andrew Azzopardi u ħalliet barra s-sentenza li wriet biċ-ċar li l-preżentatur kien qed jistaqsi dwar xenarju ipotetiku dwar id-direttivi tal-Awtorità tax-Xandir li għadhom mhumiex fis-seħħ. 

L-approċċ tal-Awtorità tax-Xandir joħloq preċedent perikoluż għall-media Maltija, partikolarment meta l-Awtorità tinsisti li l-istazzjon għandu jagħti spazju lil Norman Lowell biex ixandar l-opinjonijiet razzisti tiegħu. L-istazzjon kien inekwivoku mill-bidu li mhux se jilqa’ jew jittollera mibegħda razzjali. 

Mhux ċar ukoll għaliex l-Awtorità tax-Xandir l-ewwel ittrattat il-kwistjoni mqajma minn Imperium Europa bħala ilment u skedat data għas-smigħ, umbagħad wara ddeċidiet li timxi ma’ proċedura differenti u toħroġ akkuża kontra l-istazzjon peress li ħasset li kien hemm ksur tal-Att dwar ix-Xandir. 

Wara l-intervista ta’ Andrew Azzopardi mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, li fiha ntuża t-terminu razzist, ma kien sar l-ebda ilment mill-Awtorità tax-Xandir sakemm Imperium Europa talab lill-Awtorità tintervjeni. 

Barra minn hekk, RTK 103 huwa ferm imħasseb dwar il-fatt li s-segretarju tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir huwa eks segretarju ġenerali ta’ Imperium Europa. 

RTK 103 u Andrew Azzopardi nedew kampanja ta’ crowdfunding biex ikopru l-ispejjeż legali biex l-istazzjon jipproċedi b’dan il-każ fil-Qorti. 

L-għan hu li jiddefendu ż-żewġ prinċipji fundamentali: id-dritt ta’ kull individwu li ma jiġix diskriminat fuq il-bażi ta’ razza jew etniċità; u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni li huwa element vitali ta’ media ħielsa fis-soċjetà tagħna. 

L-RTK 103 qal li jemmen li huwa d-dmir li niżguraw li l-mibegħda razzjali tiġi eradikata.

sadanittant wieħed jista' juri l-appoġġ billi jidħol f’din il-link biex jagħti donazzjoni: https://gogetfunding.com/support-andrew-azzopardi-on-rtk-103/ 

More in Kronaka