Raġel ta' 64 sena li jgħix il-Għargħur qiegħed l-Isptar Mater Dei wara li kien aggredit fiċ-Ċirkewwa it-Tlieta għall-ħabta tal-10:00pm.
Persuna li kienet fuq il-post stqarret li l-vittma huwa xufier ta' 'white taxi' u kien qiegħed għall-affari tiegħu viċin il-venda taċ-Ċirkewwa biswit il-vapur tal-Gozo Channel. Hawn, intqal li marru fuqu turisti u bdew jitkellmu, iżda xufier ta' karozza tal-pjanċi LY daħal bejniethom.
Il-vittma ta' dan l-attakk tkellem ma' din il-gazzetta, fejn irrakkonta dak li jiftakar mill-esperjenza tal-biżà li għadda minnha waqt li kien qed jagħmel xogħolu. Huwa stqarr li f'ħin minnhom, waqt li kien qed jitkellem ma' xi turisti, ix-xufier l-ieħor beda jgħajjar u jinsulentah waqt li kien qed jipprova jitkellem mat-turisti. Għalhekk, il-vittma mar biex jieħu ritratt tal-pjanċi tax-xufier, iżda hawn huwa qabdu minn għonqu u tah xeba.
Spjega li wara dan għamel ftit tal-ħin mal-art mitluf minn sensih, u meta qam, kien f'għadira demm u x-xufier l-ieħor kien ħarab.
Ir-raġel ittieħed l-isptar għal aktar kura fejn ġie eżaminat, u qal lil din il-gazzetta li se jkollu jerġa' jitla' l-Isptar Mater Dei mill-inqas darba oħra għal aktar attenzjoni medika.
Intant, kelliem mill-Pulizija stqarr li l-Pulizija qed ifittxu lir-raġel l-ieħor.