Xufier ta' mutur iweġġa' gravi wara inċident f'Ħal Luqa

Raġel ta' 23 sena weġġa' gravi wara li kien involut f'ħabta bil-mutur f'Ħal Luqa

It-Tnejn waranofsinhar għall-ħabta tat-3:30pm seħħ inċident tat-traffiku Vjal l-Avjazzoni, Ħal Luqa.

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li hawn seħħet ħabta bejn mutur Honda misjuq minn raġel ta' 23 sena li jgħix l-Imqabba u karozza tal-għamla Citroen Berlingo misjuqa minn raġel ta' 48 sena li jgħix f'Wied il-Għajn.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka