Raġel ta’ 36 sena aggredit f’residenza f’Bormla

Isofri ġrieħi serji wara li jaqla’ daqqiet b’arma taqta’ u bil-ponta

Raġel Libjan ta’ 36 residenti l-Imsida ġie aggredit f’residenza fi Triq il-Madonna tal-Grazzja f’Bormla, nhar il-Ħadd 6 t’Awwissu għall-ħabta tat-8:15 a.m.

Ir-raġel mar jagħmel rapport l-għassa ta’ Bormla, fejn immedjatament issejjħet l-assistenza medika. Huwa ttieħed l-isptar, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Mill-ewwel stħarriġ jidher li r-raġel kien fir-residenza, inqala’ argument, u ġie allegatament attakkat minn tlett irġiel oħra, fejn qala’ daqqiet bl-arma taqta’ u bil-ponta f’dahru. L-irġiel ħarbu minn fuq il-post.

Wara investigazzjonijiet intensivi, ġew arrestati żewġt irġiel ta’ 33 sena, u ieħor ta’ 34 sena, Maltin residenti Bormla. Huma qed jinżammu fil-lock up tal-pulizija tal-Furjana għal aktar stħarriġ.

B’rabta mal-każ infetħet inkjesta, li se tkun immexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr. Elaine Rizzo LL.D, filwaqt li l-ivestigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka