Approvati lukanda ta’ 11-il sular u blokka residenzjali f’Smart City

Dan il-proġett imur lil hinn minn mill-pjan oriġinali ta’ Smart City tal-2009, dak li tkun ċentru tat-teknoloġija tal-informatika

L-Awtorità tal-Ippjanar ħarget outline permit sabiex jinbnew lukanda ta’ 11-il sular u blokka residenzjali f’Smart City. Dan jirregwarda żona li attwalment qed tintuża bħala parkeġġ.

Id-disa’ membri tal-bord qablu unanimament. Dan hekk kif ir-rappreżentat għall-Kunsill Lokali tal-Kalkara ma tfaċċax għas-seduta.

Outline permit iservi sabiex jiddetermina jekk l-iskala u n-natura ta’ proġett humiex aċċettabbli, pero mhux biżżejjed sabiex jibdew ix-xogħolijiet. Wieħed ikollu bżonn idaħħal applikazzjoni oħra għal permess għall-iżvilupp, li tkun aktar dettaljatjata, fi żmien ħames snin.

Ic-Chairperson tal-Awtorita’ Emmanuel Camilleri talab għal disinn aħjar, fejn ikun hemm transizzjoni aktar sottili mill-kosta, kif ukoll li jitbaxxa l-bini. Il-proposta tiegħu sabiex l-iżvilupp isir b’mod imtarraġ, sabiex l-impatt fuq il-veduta jkun aktar addattat, ġie approvat unanimament.

Dan il-proġett imur lil hinn minn mill-pjan oriġinali ta’ Smart City tal-2009, dak li tkun ċentru tat-teknoloġija tal-informatika. Madanakollu, l-uffiċjal responsabbli mill-każ qal li l-oġġettivi u l-approċċ lejn il-pjan ta’ Smart City inbidel tul is-snin, u b’hekk xi artijiet li kienu pjanati biex jintużaw bħala uffiċini se jkunu għall-użu residenzjali.

Żied ukoll li dan il-proġett mhux se jżid mal-ammont ta’ bini li kien pjanat skont il-pjan tal-2008, però l-għoli se jiżdied b’20 ċentimetru.

More in Kronaka