Bil-filmat: Il-karreġjata tar-roti fil-juntion tal-Marsa għadha ma tnaddfitx miż-żejt

“Għaddew total ta’ 66 ġurnata, x’qed nistennew?” – L-NGO Rota

Filmat ippubblikat minn MaltaToday juri kif fil-karreġjata tar-roti fil-junction tal-Marsa għadu jidher żejt li waqa’ f’inċident fuq xahrejn ilu.

Sewwasew, kien fis-26 ta’ Mejju meta madwar 200 litru ta’ żejt tat-tisjir waqa’ minn trakk, li wassal għall-għeluq tal-flyover li tagħti minn Triq Garibaldi għal Triq Aldo Moro.

Din it-triq damet jumejn sabiex reġgħet infetħet, wara li kellha tinqala’ madwar 300 metru ta’ triq u terġa’ tingħata t-tarmak mill-ġdid.

Madanakollu, iż-żejt mexa għall-karreġjata tar-roti, fejn baqa’ sal-lum.

L-NGO Rota saħqet li, “Wieħed jistaqsi kif triq maġġuri ingħatat it-tarmak f’jumejn, filwaqt il-karreġjata tar-roti qed tieħu aktar minn xahrejn u xeba’ wegħdiet foloz biex titnaddaf? X’qed nistennew?”

More in Kronaka