Ġlieda f'nofs roundabout fl-Imġarr

BIL-FILMAT: Serbut karozzi jinġema' hekk kif żewġ xufiera jispiċċaw fl-idejn

Filmat maħruġ minn MaltaDaily juri żewġ sewwieqa joħorġu mill-vetturi tagħhom u jispiċċaw jitqelbu mal-art f'nofs roundabout fl-Imġarr.

Involuti fil-ġlieda kienu żewġt irġiel, wieħed minnhom isuq karozza b'y-plate. 

Skont ir-rapport mal-pulizija li għamel ix-xufier tal-y-plate, fejn allega li kien aggredit, dan l-inċident seħħ fit-7:45 a.m., fi Triq Sir Temi Zammit.

Din damet għaddejja għal aktar minn minuta, u waqfet biss wara li sewwieqa oħra waqfu u firdu ż-żewġt irġiel. Wara, dawn saqu għal triqthom.

Għadha mhix magħrufa r-raġuni ta' x'wassal għal dan, iżda skont il-pulizija kif ukoll mill-filmat, ma kinitx rigward kolliżjoni bejn iż-żewġ vetturi.

Din kienet l-aħħar minn sensiela ta' inċidenti ta' din ix-xorta li ġew irrapportati fl-aħħar ftit ġimgħat.

More in Kronaka