Kaos f'Mater Dei hekk kif xi swali għamlu 50 minuta mingħajr elettriku

Swali bħall-ITU, NPICU u oħrajn fejn isiru l-operazzjonijiet ma kellhomx interruzzjonijiet 

Is-sitwazzjoni tad-dawl f'Malta ħadet xejra pjuttost negattiva hekk kif il-qtugħ tad-dawl se jkompli jippersisti u jikkawża kaos fost il-poplu Malti b'mod speċjali fi ħdan l-Isptar Mater Dei. Rapporti qalu illi partijiet tal-Isptar MaterDei kellhom qtugh ta' dawl temporanju ta' ftit inqas minn siegħa, filwaqt li swali kruċjali fosthom l-ITU, NPICU u oħrajn fejn isiru l-operazzjonijiet ma kellhomx interruzzjonijiet fil-provvista tad-dawl. Sorsi tal-MaltaToday ikkonfermaw ukoll li fost is-swali milquta kien hemm saħasitra s-sala tal-emerġenza.

In-nuqqas ta' dawl ġie ikkawżat hekk kif il-generators fallew milli jixgħelu b'mod awtomatiku b'konsegwenza li diversi pazjenti kellhom jesperjenzaw is-sħana tremenda li ħakmet il-ġżejjer tagħna. L-elettriku mar mas-siegħa ta' filgħodu u dam madwar erbgħin minuta biex reġa' irritorna.

Għalkemm is-sitwazzjoni tidher li qed tiggrava maż-żmien, din ma kinitx l-ewwel darba li s-servizzi tas-saħħa f'Malta soffrew qatigħ minħabba l-qtugħ tad-dawl. L-istess sitwazzjoni ħakmet ukoll l-Isptar Mount Carmel il-Ġimgħa li għaddiet. 

Il-qtugħ tad-dawl kompli jippersisti ruħu matul il-lejl, f'lokalitajiet madwar Malta b'mod partikolari l-partijiet fin-naħa ta' fuq ta' pajjiżna fosthom ir-Rabat, Tas-Sliema, il-Mosta u n-Naxxar li ġew milquta huma wkoll minn din il-kriżi makabra.

More in Kronaka