Tnejn minn nies bi ġrieħi gravi u tnejn oħra bi ġrieħi ħfief wara li karozza tibqa' dieħla f'ħajt

L-inċident seħħ fi Triq il-Madliena, is-Swieqi...

Ix-xena tal-inċident
Ix-xena tal-inċident

Illum, għal xi 1:30 a.m il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Madliena, is-Swieqi.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li tfajla ta’ 17-il sena li toqgħod San Pawl il-Baħar, tilfet il-kontroll tal-vettura Renault Zoe, li kienet qed issuq u ħabtet ġo ħajt. Flimkien magħha, kien hemm ukoll tliet passiġġiera, raġel ta’ 21 sena residenti n-Naxxar, Żvizzeru ta’ 20 sena residenti s-Swieqi, u tfajla miċ-Ċilì ta’ 19-il sena residenti San Ġiljan.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi ħadu l-vittmi l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ta’ 21 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament, it-tfajla miċ-Ċilì ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace LL.D ġiet infurmata u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka