Art db | 'Iktar kien urġenti għall-Gvern li jalloka l-art milli li jsib sit alternattiv għall-ITS' - AĠ

L-Awditur Ġenerali jgħid illi l-Uffiċċju tal-PM u l-Ministeru tat-Turiżmu tefgħu r-responsabilità fuq xulxin ... Repubblika tgħid illi dan ifisser li l-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi qed iwaħħlu f'xulxin

L-Awditur Ġenerali f'rapport dwar l-art li fuqha kien hemm l-ITS u li għaddiet għand id-db - permezz tal-Konsorzju Seabank - qal li r-rilokazzjoni tal-ITS ma kinitx ippjanata b’mod xieraq, biż-żmien stabbilit sabiex l-Istitut jiċċaqlaq mis-sit tiegħu f’San Ġiljan imsejjaħ "mhux realistiku." L-Awditur sostna fir-rapport tiegħu illi l-oriġini tad-deċiżjoni li jiġi trasferit is-sit baqgħet mhux ċara.

"L-ebda informazzjoni li tispjega din id-deċiżjoni jew min kien involut fiha ma ġiet ipprovduta, bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu - dak iż-żmien immexxi minn Konrad Mizzi - jassenjaw responsabbiltà lil xulxin."

L-Awditur Ġenerali qal illi l-priorità kienet li tingħata l-art mhux li tkun rilokata istituzzjoni edukattiva nazzjonali - l-ITS. 

"Is-sens falz ta’ urġenza li ġiegħel lill-Gvern jiddisponi mis-sit, minkejja ebda post alternattiv għall-ITS u n-nuqqas ta’ masterplan għaż-żona, kien ta’ tħassib." Fir-rigward tat-trasparenza, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) tħasseb dwar l-informazzjoni mogħtija fis-sejħa għal proposti." 

L-NAO nnota li d-Dipartiment tal-Artijiet kien assenti mill-proċess li wassal għat-trasferiment tas-sit, minkejja li huwa kien l-entità tal-Gvern li kellha l-mandat li tiddisponi minn art pubblika. Minflok kienet Projects Malta Ltd li assumiet il-kontroll fuq il-proċess.

'Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed iwaħħlu f'xulxin' - Repubblika

Intant l-għaqda Repubblika qed isostni li l-PM Robert Abela "Ma jistax jibqa’ ċass quddiem l-inkwiet serju li l-Awditur Ġenerali qajjem dwar it-trasferiment ta’ art pubblika ġewwa Pembroke lid-DB Group."
 
Repubblika issostni li għandha ssir inkjesta pubblika li tidettermina min ħa dawn id-deċiżjonijiet marbuta mal-għoti tas-sit fil-Bajja ta’ San Ġorġ u għalfejn. "Jeħtieġ li l-pulizija tinvestiga s-suspetti ta’ korruzzjoni. U jeħtieġ li l-art tintradd lura lill-pubbliku Malti."
 
"Dan ir-rapport kixef manuvri skandalużi.  Għalina huwa skandaluż li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu taw rendikonti li ma jaqblux lill-Awditur Ġenerali.  Għalina huwa skandaluż kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu issa qegħdin iwaħħlu f’xulxin.  Joseph Muscat u Konrad Mizzi issa qed iwaħħlu f’xulxin!"

Repubblika temmet tgħid li Robert Abela "ma jistax jinqeda bil-COVID-19 biex jaħbi dan il-ħmieġ."

More in Kronaka