Ġirja f'Tal-Pieta wara raġel li seraq mutur

Il-Pulizija baqgħet issegwi r-raġel sakemm dan tilef il-kontroll, waqa' u baqa' jiġri sax-xatt tal-Imsida

Raġel, Libjan ta’ 41 sena, ġie arresat ilbieraħ filgħaxja wara li seraq mutur minn Triq id-Duluri, il-Ħamrun.

Waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun, fi Triq San Luqa, f’Tal-Pieta’, innutaw raġel isuq mutur mingħajr helmet. 

Meta għamlulu sinjal biex jieqaf huwa ħarab minn fuq il-post u saħansitra għadda minn toroq one-way.

Fi Triq Blackly, ir-raġel tilef il-kontroll tal-mutur, ħabat mal-bankina u waqa’ minn fuq il-mutur. Huwa xorta ħarab minn fuq il-post bil-ġiri, bil-Pulizija twaqqfu fi Triq ix-Xatt ta’ l-Imsida.

Malli ġie arrestat huwa ttieħed f’Ċentru tas-Saħħa minħabba ġrieħi li sofra meta tilef il-kontroll tal-mutur u waqa’. 

Huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. 

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum. 

More in Kronaka