Raġel Għawdxi jittieħed l-isptar wara li kien involut f’inċident fil-Qala, Għawdex

Il-vettura tilfet il-kontroll bil-konsegwenza li spiċċat fuq in-naħa l-oħra tat-triq u ħabtet ma’ ħajt

Kmieni dalgħodu, raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, wara li kien involut f’inċident fil-Qala, Għawdex. Il-Pulizija kienu infurmati għall-ħabta tal-4:15 a.m., li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Imġarr, il-Qala, wara li kienet seħħet ħabta frontali.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 33 sena residenti fil-Munxar, Għawdex, kien qiegħed isuq il-vettura fl-imsemmija triq meta għal xi raġuni tilef il-kontroll bil-konsegwenza li l-vettura spiċċat fuq in-naħa l-oħra tat-triq u ħabtet ma’ ħajt.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

More in Kronaka