Niżvelaw filmati CCTV ... u titkellem il-familja minn Ħaż Zabbar li spiċċat mhedda li jaħarquhom ħajjin

Is-sit illum.com.mt ikellem lill-membri tal-familja li nhar il-Ħadd li għadda sfaw attakkati f'darhom f'Ħaż Żabbar, mheddin li jaħarqu lilhom u lill-uliedhom

Ix-xena tal-att, bil-karozza maħruqa
Ix-xena tal-att, bil-karozza maħruqa

Il-filmat li dar fuq il-midja soċjali matul l-aħħar sigħat mhux biss wassal għall-arrest ta' raġel imma wkoll familja li sfat attakkata u mhedda għax raġel, li ammetta l-ħtija, ma riedx karozza pparkjata quddiem kamra li hu kien biddel għal razzett bit-tiġieġ, fost oħrajn. 

Is-sit illum.com.mt tkellem mal-familja, bħalissa mwerwra bl-inċident u għandu wkoll f'idejh u qed jippubblika filmati CCTV li juru kif l-irġiel attakkaw lil mara u tawha fuq wiċċha wara li ħarqu l-karozza ta' bintha, qabel imbagħad baqgħu sejrin biex jisgassaw il-bieb tad-dar.  

Il-vittma bdiet tgara l-qsari biex tipprova twaqqaf lill-irġiel milli jidħlu d-dar imma kollu ta' xejn għax wieħed irnexxielu jidħol. L-ieħor intlaqat u kellu jittieħed Mater Dei. 

Hawnhekk sar diskors ikrah ta' theddid mill-agressuri fosthom lil tifel ta' 11-il sena li kien jinsab fil-kamra dak il-ħin. It-theddid kien fis-sens li issa se jaħraq lil uħud minn nies fil-kamra ħajjin. 

Membru tal-familja, spjega dak li ġara. "Sar ħafna diskors falz dwar dak li ġara", għalkemm xtaq illi l-familja tibqa' anonima.

Xi ftit emozzjonat, iben l-omm li sfat attakkata spjega kif "il-kwistjoni kollha hija dwar parkeġġ fi Triq id-Dejqa u l-Kunsill Lokali jaf bis-sitwazzjoni u qatt ma ħareġ direttivi biex ħadd ma jipparkja hemm. Qatt ma sar double yellow line u qatt ma sar sinjal biex ħadd ma jipparkja. Dak huwa post pubbliku. Hemmhekk, mhux vera hemm garaxxijiet, tista' tara!" U fil-fatt dan huwa vera. 

Hu jispjega kif din il-kwistjoni ilha tqum magħhom u mar-residenti kollha taż-żona. "Għandu razzett illegali, konna xbajna nċemplu qabel ġew tal-Animal Welfare jikkonfiskawhom. Dan x'jiġifieri? Jippretendi li dak parkeġġ tiegħu u meta jrid isibu vojt?"

Hu jispjega kif missieru beda jilgħab mat-tfal u jgħallem lil wieħed kif isuq ir-rota meta ġie l-agressur b'kontenitur kollu pitrolju u allegatament qallu "waslet tiegħek". Jispjega kif ommu niżlet biex tneħħi l-karozza, f'liema punt l-aggressur ħaraq il-karozza tal-vittma.

"Daħlu ġo darna illegalment u lin-neputi tiegħi ta' 11-il sena qallu li se joqtlu bħalma se joqtol lil nanntu."

"Qatt ma provokajna, mhu vera xejn.  Tant provokajnieh li lanqas laħaq tela' fl-iżbarra għax mill-ewwel aċċetta l-ħtija. Kien jaf li żbalja bl-ikrah," qal dan il-membru tal-familja. 

Jidher illi l-ġirien kollha marru joffru l-appoġġ tagħhom lill-familja hekk kif jidher li l-akkużat, issa arrestat, kienu ilu jaqbad ma' ħafna nies fil-viċinanzi u jkollu argumenti jaħarqu ma' ġirien. 

 

More in Kronaka